Wednesday, April 24, 2024

Jinġabru mad-19,000 tunnellata ta’ skart fl-2022

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, il-ħaddiema tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni ġabru mad-19,000 tunnellata ta’ skart mit-toroq. Dan filwaqt li fl-2022, id-Diviżjoni rċeviet mat-12,000 ilment li 98.3% minnhom ġew solvuti fi żmien qasir.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo meta fil-ħin tal-aġġornament parlamentari tal-Erbgħa li għadda tkellem dwar il-ħidma li qiegħda twettaq id-Diviżjoni biex ikollna pajjiż isbaħ u nadif.

Il-Ministru Bartolo beda biex qal li mhuwiex aċċettabbli li minħabba minoranza żgħira, tinbena kultura ta’ abbuż minn dawk li jiddeċiedu li għal xi raġuni jew oħra jonqsu mid-drittijiet tagħhom bħala ċittadini.

“Qegħdin fl-2023 u għadna naraw min jagħmel ħsara lill-ambjent u lil pajjiżna b’mod inġenerali. Dwar il-ħarsien tal-indafa f’pajjiżna, irid ikollna diskussjoni matura u informattiva.

“L-indafa taffettwa mhux biss it-turiżmu iżda lil kulħadd b’mod partikolari lill-familji Maltin u Għawdxin u anke lill-ġenerazzjoni żagħżugħa u lit-tfal tagħna li għadhom tilgħin. Irridu naraw li l-indafa tkun parti integrali minn dak li nagħmlu ta’ kuljum f’pajjiżna,” tenna l-Ministru Bartolo.

Huwa saħaq li fl-aħħar snin, il-ħidma tad-Diviżjoni kibret drastikament fejn illum toffri servizzi varji biex tlaħħaq mad-domanda tat-tindif u l-manutenzjoni bil-għan prinċipali li nżommu lill-pajjiż nadif u jsir xogħol ta’ manutenzjoni fejn ikun hemm bżonn.

Qal li Clean Malta twettaq bosta xogħlijiet fosthom it-tneħħija ta’ konkos, żrar u materjal ieħor li jaqa’ minn fuq trakkijiet, il-ġbir ta’ skart mormi illegalment, it-tneħħija ta’ graffiti u chewing gums minn mal-art jew mal-ħitan u anke s-sanitizzar u ħasil tat-toroq.

Qiegħda ssir ħidma importanti fejn jidħlu ħasil ta’ promenades u tabelli ta’ sinjali ta’ traffiku, servizzi ta’ emerġenza fit-toroq kif ukoll wara maltempati, u l-manutenzjoni ta’ ġonna pubbliċi. Issir ukoll ħidma wara attivitajiet kbar tal-massa li jiġu organizzati min żmien għal żmien filwaqt li jsir tindif anke wara żjajjar statali.

Mill-aspett turistiku, il-Ministru Bartolo qal li x-xhur tas-sajf kienu, għadhom u se jibqgħu l-aktar xhur ta’ impenn għall-ħaddiema tad-Diviżjoni. “Żidna l-frekwenza tat-tindif aktar mis-soltu. Ridna naraw li fuq il-bajjiet ikun hemm livell ogħla ta’ indafa. Introduċejna servizz ta’ tindif fuq il-bajjiet kmieni filgħodu, waranofsinhar u anke filgħaxija. Xtrajna 9 sand sifters biex jitneħħa skart irqiq fir-ramel fosthom ħġieġ u loqom tas-sigaretti.”

Il-Ministru Bartolo semma wkoll il-proġett pilota li sar ma’ ħames Kunsilli Lokali – Birkirkara, il-Belt Valletta, Birżebbuġa, iż-Żurrieq u Marsaxlokk – li kienu avviċinaw lid-Diviżjoni biex jagħtu l-għajnuna fejn ikun hemm bżonn.

“Wara ftit żmien ta’ prova, bejn Ottubru u Diċembru 2022, inġabru ‘l fuq minn 116-il tunnelata ta’ skart mit-toroq. Qed naraw li ladarba jgħaddi s-sitt xhur ta’ prova, dan is-servizz ikun estiż ukoll għall-Kunsilli lokali kollha li jridu jibbenefikaw minnu. Servizz ta’ kwalità ogħla li jagħti aktar valur għall-flus lill-Kunsilli Lokali li jidħlu għaliha.”

“Il-pass li jmiss huwa li nżidu l-infurzar u jibdew jingħataw il-multi”

Il-Ministru Bartolo tkellem ukoll dwar l-iskeda l-ġdida għall-ġbir tal-iskart fejn qal li għal xi raġuni għad hawn min mhux jagħti kas l-iskeda u joħroġ il-borża tal-iskart fil-ġurnata l-ħażina.

“Il-pass li jmiss huwa li nżidu l-infurzar u jibdew jingħataw il-multi lil min jibaqbad joħroġ il-borża l-ħażina fit-tali ġurnata. Wasal iż-żmien li kulħadd ikun responsabbli għal dak li qiegħed jagħmel.”

“Ix-xogħol tad-Diviżjoni ma jieqaf qatt. Proġetti u investimenti li qed isiru biex inkomplu ntejbu s-servizz, il-kwalità u l-effiċjenza f’dak li jirrigwardja l-indafa f’pajjiżna. Irrid insellem lid-Direttur tad-Diviżjoni Ramon Deguara u l-ħaddiema kollha ta’ din id-diviżjoni għall-ħidma imprezzabbli tagħom.

“Kommessi biex inkomplu nintroduċu servizzi innovattivi f’dan is-settur bl-aqwa teknoloġija possibbli għal pajjiżna. Fuq kollox irridu naħdmu biex noffru l-aqwa servizz lill-pubbliku,” temm jgħid il-Ministru Bartolo.

Sport