Tuesday, April 23, 2024

Żewġt irġiel arrestati wara li nqabdu jisirqu minn binja f’Ħaż-Żabbar

Aqra wkoll

Żewġt irġiel qed jinżammu l-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana. Dan wara li l-lejl li għadda għall-ħabta tas-2:00 a.m., il-Pulizija rċevew informazzjoni li x’aktarx kienet qiegħda ssir serqa f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Patri Feliċjan Grech, Ħaż-Żabbar, u dawn iż-żewġt irġiel instabu fil-post indikat.

Il-Pulizija immedjatament marru fuq il-post fejn bdew jinstemgħu xi ħsejjes u anke nnutaw movimenti suspettużi.

Għaldaqstant, il-Pulizija daħlu ġewwa u waqt li nnutaw numru ta’ bibien sgassati, bdiet tfittxija f’kull sular. Malli waslu fis-sular ta’ fuq, il-Pulizija sabet raġel jistaħba wara bieb u ġie arrestat. Minħabba suspett li kien hemm iżjed nies ġewwa, il-Pulizija kompliet bit-tfixxijiet u f’parti oħra tal-istess binja, ġiet arrestata t-tieni persuna, li nstabet tistaħba taħt xi plastik.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li ż-żewġt irġiel, wieħed ta’ 51 sena u l-ieħor ta’ 46 sena, it-tnejn residenti Birżebbuġa, kienu qegħdin jagħmlu użu minn vettura li nstabet pparkjata fi Triq il-Berebis u li minnha ġew elevati diversi għodda, wires u extensions. Il-Pulizija wettqet ukoll tfittxijiet fir-residenzi taż-żewġ arrestati u hemmhekk instabu diversi oġġetti oħra, fosthom chaser, ammont kbir ta’ għodda u wires.

Sport