Thursday, April 18, 2024

Fl-2022 ġew revokati madwar 2,000 liċenzja tas-sewqan

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fid-diskors tiegħu, iċ-Ċhief Officer, Land Transport Directorate fi ħdan Transport Malta Pierre Montebello qal li statistika riċenti li tkopri l-aħħar snin turi li mal-Ewropa kollha, in-numru ta’ mwiet fit-toroq naqsu mill-2010 ‘il quddiem. Għall-kuntrarju ta’ dan, sfortunatament f’Malta, l-imwiet ikkawżat minn inċidenti tat-traffiku żdiedu.

“B’mod partikolari rajna kif minkejja toroq ġodda, infrastruttura sigura u avvanzi kbar fejn tidħol sigurtà fis-sewqan inġenerali, is-sena l-oħra kellna rekord ta’ mwiet – 26 b’kollox. Sa Ottubru tas-sena l-oħra, ġew irrapportati li fit-tliet snin ta’ qabel kellna mat-800 inċident ta’ traffiku li rriżultaw fi ġrieħi, uħud gravi, minbarra fatalitajiet,” qal Montebello.

Huwa sostna li studji varji juru li l-aktar tliet fatturi li jikkawżaw l-imwiet huma d-distrazzjoni jew aljenazzjoni waqt is-sewqan, sewqan b’veloċità eċċessiva u sewqan taħt l-effett taħt tal-alkoħol jew droga.

“Dan kollu minkejja li ngħataw kważi 40,000 ċitazzjoni fuq ħames snin, bi kważi miljun ewro f’kontravenzjonijiet relatati mal-użu tal-mobile waqt is-sewqan fl-2021 biss. Fis-sena 2022, kważi 2,000 liċenzja tas-sewqan ġew rivokati permezz tas-sistema tal-punti fejn 251 minnhom kienu ta’ sewwieqa taħt probation u 340 oħra kellhom il-liċenzja rivokata għat-tieni darba.”

Montebello qal li minkejja dan għadna naraw nuqqasjiet serji fit-toroq. Kien għalhekk li ġie deċiż li “ċertu multi jogħlew flimkien ma’ żieda fit-teħid ta’ punti, u penali ogħla minn dawk tas-sewwieqa ta’ vetturi privati, qed narawha għal min joffri servizzi lil terzi, dawk li nirreferu għalihom bħala ‘chauffer driven services’ kif ukoll sewwieqa ta’ vetturi kbar fejn il-periklu li dawn joffru huma ikbar. Wara l-approvazzjoni għal dan it-tibdil se naħdmu biex ikun hemm emendi fil-liġi.”

Montebello żied jgħid li l-ebda multa, penali kif ukoll punti ma żdiedu għal każijiet li ma jirrelatawx ma’ saħħa u sigurtà fi-toroq tagħna. Tenna li dan kollu narawh fi sfera jew f’qafas aktar wiesgħa fejn mhux biss naraw żieda fil-punti imma wkoll b’aktar kampanji edukattivi min-naħa tal-awtoritajiet u aktar ħsieb waqt is-sewqan min-naħa tas-sewwieq.

Erba’ vetturi ġodda għall-uffiċjali tal-infurzar, b’investiment ta’ €120,000

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, il-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia enfasizza li t-tisħiħ fl-infurzar huwa parti essenzjali mill-pjan komprensiv tal-Gvern għal aktar sigurtà fit-toroq Maltin u Għawdxin.

Huwa ħabbar ukoll li se jkun hemm erba’ muturi ġodda għall-uffiċjali tal-infurzar b’investiment ta’ €120,000, biex issa Transport Malta se jkollha total ta’ 14-il mutur. “Dan ifisser li b’mod tanġibbli se jkollna aktar nies preżenti fit-toroq tagħna,” qal il-Ministru Farrugia.

Ekonomija

Sport