Tuesday, December 24, 2024

Wegħdu €150,000 jekk joħroġlu d-droga mill-Port Ħieles

Tibda l-kumpilazzjoni fil-konfront ta' Kurt Scicluna

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, bdiet tinstema l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Kurt Scicluna ta’ 31 sena residenti ż-Żejtun. Hu jinsab akkużat bi traffikar tad-droga, ħasil ta’ flus u li kien parti minn ċirtku ċirku ta’ kriminalità b’rabta mal-qabda ta’ 146 kilogramma droga kokaina li ddaħħlet mill-Port Ħieles.

L-Ispettur Mark Mercieca xehed quddiem il-Qorti li mal-pulizija Roderick Camilleri – akkużat ieħor f’dan il-każ – kien qal li kien Scicluna li qabdu joħroġ id-droga mill-Port Ħieles u dan wara li wegħdu s-somma ta’ €150,000. Minn investigazzjonijiet li saru sar magħruf li kien hemm diversi telefonati bejn Scicluna u Camilleri, kemm dakinhar li nstabet id-droga u anke fil-jiem ta’ qabel. Instabu diversi messaġġ bejn iż-żewġ persuni b’wieħed minnhom mibgħut minn Camilleri fejn jgħid lil akkużat li kien irnexxielu jiġborlu 3 ixkejjer mill-container u talbu indirizz fejn se jwassallu d-droga.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li Camilleri kien qal lill-pulizija li hu kien sar ħabib mal-akkużat hekk kif iltaqgħu f’ħanut tat-te fejn iħobb imur wara x-xogħol. Camilleri stqarr mal-Pulizija li Scicluna darba talbu biex jibda joħroġlu xi merkanzija illegali mill-Port Ħieles. Qal li darba minnhom Scicluna qallu biex jiġborlu aktar merkanzija u li għal dan it-traġit kien ser itih €150,000.

Camilleri li jaħdem bħala burdnar qal li tlett ijiem qabel is-sejba, l-akkużat kien qallu li d-droga kienet waslet u kien jeħtieġ li jiġborha minn kontejner fil-Port Ħieles. Talbu wkoll biex waqt li kien qiegħed jiftaħ il-kontejner jiġbed filmat. L-Ispettur Mercieca qal quddiem il-Qorti li Camilleri kien iddentifika lil Scicluna bħala l-unika persuna li tagħtu sturzzjonijet dwar kif għandu joħroġ id-droga.

Meta l-akkużat kien interrogat u miegħu kellu l-avukati ta’ fiduċja, għażel li ma jirrispondix għad-domandi tal-pulizija. Waqt tfittxija li saret fir-residenza tiegħu ġew ssekwestrati ammont kbir ta’ flus kontanti, karozzi lussużi, ġojjellerija kif ukoll mobile mkisser.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Mercieca, John Leigh Howard u Francesco Mizzi flimkien mal-Avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri f’isem l-Avukat Ġenerali.

Ekonomija

Sport