Tuesday, April 30, 2024

Xhud tgħid li l-imputat ġera warajha u kellha tissakkar fil-karozza

Aqra wkoll

Bdiet il-kumpilazzjoni tal-Ispanjol li allegatament attakka xi nies f’restorant f’San Ġiljan.

Il-każ seħħ fil-31 ta’ Mejju li għadda fi stabbiliment fi Triq il-Wilġa (kantuniera ma’ Triq id-Dragunara), San Ġiljan.

Il-Qorti semgħet kif Gonzalo-Noel Sanchez Fernandez, l-Ispanjol ta’ 38 sena, allegatament ħebb għal erba’ persuni – ilkoll ta’ nazzjonalità barranija – kif ukoll li l-imputat wettaq ħsara fuq żewġ vetturi.

Wieħed mis-sidien tal-istabbiliment fejn seħħ ir-reat, Edoardo De Liso, spjega li l-imputat qabad flixkun u allegatament aggredixxa lin-nies, tant li saħansitra laqat lil wieħed mill-klijenti bl-imsemmi oġġett, filwaqt li s-sid intlaqat minn sikkina. Il-Qorti kompliet tisma’ kif dan ix-xhud ta’ nazzjonalità Taljana flimkien ma’ persuni oħra żammew lill-allegat aggressur sakemm ma waslu l-pulizija fuq il-post fejn seħħ ir-reat.

Xhud oħra, Lucrezia Hili, li dakinhar li seħħ il-każ kienet miexja f’dawk l-inħawi, irrakkuntat lill-Qorti kif l-imputat mar fuq bank u ħa xi ħaġa minn idejn persuna oħra u li meta mexa fuq bank ieħor beda jiġġieled. Malli rat dan, hija telqet tiġri u allegatament l-imputat qabad jiġri warajha; hija marret tissakkar fil-karozza u beda jagħti fuq il-karozza tagħha kif ukoll allegatament għamel ħsarat fuq karozzi oħra li kien hemm fil-madwar.

Meta xehed sid ta’ restorant ieħor, Charles Spiteri, il-Qorti semgħet kif is-Sur Spiteri dakinhar tal-inċident ra lill-imputat jaggredixxi lill-klijenti u kompla jgħid li l-aggressur kompla jsawwat lill-pulizija, anki saħansitra meta kien immanettjat.

Sport