Friday, December 27, 2024

Żagħżugħ kkundannat sena u sitt xhur ħabs wara li nstab ħati li ikkaġuna ġrieħi fuq żagħżugħ ieħor

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 27 sena residenti San Ġwann kien ikkundannat 18-il xahar ħabs wara li nstab ħati li attakka żagħżugħ ieħor fuq sit użat mill-gays.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Colin Sheldon, spjegat li ż-żewġ każijiet seħħu f’Jannar tal-2020 u f’Diċembru tal-2021 u li allegatament Kurt Amato kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-vittma. Fil-Qorti, Amato kien mixli wkoll li wettaq reat minħabba mibegħda kontra persuna fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali.

Fil-Qorti ġie spjegat kif l-investigazzjoni tal-Pulziija bdiet wara li huma rċivew rapport mill-Isptar Mater Dei, li kien hemm persuna li ddaħħal fil-periklu tal-mewt. Meta ġie mistoqsi mill-Pulizija jekk jiftakarx xi ġralu, fil-bidu dan qalilhom li kien waqa’ f’ċinga tal-kelb.

Ingħad ukoll li mmeta l-Pulizija komplew ikellmu lill-vittma, dan spejgalhom li qalilhom li waqa’ f’ċinga għax beża jgħid il-verità minħabba ommu, peress li hu gay.

Fil-Qorti l-vittma qal li kien fuq is-sit Grindr, ‘dating app’ użata minn persuni gay, meta ra ritratt tal-akkużat u staqsih kif kien qiegħed hemm jekk ma kienx gay.

Skont il-vittma l-akkużat qallu li daħal fl-app b’kurżita mbagħad qallu biex ma jgħix lil ħadd.

Il-vittma żied jgħid li meta l-akkużat talbu biex jiltaqgħu, dan allegatament attakkah waqt li kien qiegħed fil-karozza miegħu. Fil-Qorti, il-vittma spjega li t-tieni inċident seħħ huwa u sejjer lura d-dar.

Spjega kif wara li mar f’kafetterija ma’ ħabib tiegħu, l-akkużat ġie minn warajh u aggredih. Fost ix-xhieda preżenti li kien hemm fil-Qorti, xehdet tabiba li tat spjegazzjoni dwar l-istat ta’ kif kien il-vittma. Spjegat li l-vittma kellu tiċrita fil-fwied u għalhekk kien fil-periklu tal-mewt tant li kellu jiġi operat.

Wara li sema s-sottomissjonijiet, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Victor Axiak qal li mill-provi rriżulta li l-akkużat ħebb għall-vittma.

Meta ġie biex jagħti l-piena l-Maġistrat Axiak qal li Amato kien instab ħati ta’ serq u ksur ta’ kundizzjonijiet tal-Qorti li jagħmluh reċidiv u li ma għarafx jitgħallem mill-iżbalji tal-passat.

Kien għalhekk li kkundannah 18-il xahar ħabs waqt li ħareġ ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ 3 snin biex jipproteġi lill-vittma fejn wissa lil Amato li jekk jiksirha seta jeħel multa ta’ €7,000 jew sentejn ħabs.

Għall-akkużat deher l-Avukat Alfred Abela, filwaqt li għall-vittma deher l-Avukat Wilfred Buttigieg.

Ekonomija

Sport