Sunday, December 22, 2024

Żewġ buffi jesploraw temi ta’ demokrazija u politika fi produzzjoni mtellgħa minn TOI TOI

Aqra wkoll

Mill-24 sas-27 ta’ Ottubru, Teatru Manoel u TOI TOI Next Gen jippreżentaw ‘Project Dictator, Or: why democracy is overrated and I don’t miss it at all’. Rappreżentazzjoni li tuża l-buffi biex tesplora temi ta’ demokrazija, politika u totalitarjaniżmu, maħluqa minn kumpanija fir-Renju Unit li rebħet għadd ta’ unuri, Rhum + Clay.

‘Project Dictator’ hija kollaborazzjoni mill-isbaħ, u forsi kemxejn mhux tas-soltu, bejn Rhum + Clay u d-direttur Hamish MacDougall, fi produzzjoni komika u oskura li tuża l-clowning biex tesplora l-qawma tal-populiżmu, il-kompliċità jew il-ġlieda kontra l-awtoritarjaniżmu, u l-irwol tal-arti u d-divertiment taħt reġimi oppressivi. Ir-rappreżentazzjoni tagħmel parti mill-programm ‘TOI TOI’s Next Gen’, programm li fih għażla ta’ produzzjonijiet teatrali msejħa fringe, jiġifieri produzzjonijiet li jittrattaw temi li ma tantx huma komuni u li ma jittellgħux f’teatri ewlenin, imma f’teatri iżgħar. Fiflatt din il-produzzjoni se tittella’ fl-iStudio Theatre intimu tat-Teatru Manoel. 

Rhum + Clay hija kumpanija bbażata fir-Renju Unit taħt id-direzzjoni tad-Diretturi Artistiċi Julian Spooner u Matthew Wells u nħolqot fl-2010 fl-iskola rinomata École Jacques Lecoq. Ix-xogħlijiet tagħhom huma maħluqa permezz ta’ proċess kollaborattiv, u dejjem jinvolvu ensemble kreattiv differenti. ‘Project Dictator’ hija rappreżentazzjoni li tindirizza s-suġġett delikat tat-totalitarjaniżmu, billi tuża l-ġeneru daqstant eċċentriku tal-clowning.

Il-proċess beda billi saru konverżazzjonijiet estensivi ma’ artisti mis-Sirja, mill-Veneżwela, mill-Brażil, mill-Ungerija, mit-Tajlandja, mit-Turkija u mill-Ażerbajġan, li kollha kemm huma esperjenzaw il-ħolqien tal-arti taħt reġim oppressiv f’pajjiżhom. Bis-saħħa ta’ dawn il-konverżazzjonijiet issawru l-viżjoni u l-ambizzjoni ta’ dan ix-xogħol; sabiex tkun tista’ tinħoloq produzzjoni li titkellem dwar il-klima politika kurrenti. 

Rhum + Clay u TOI TOI se jtellgħu wkoll workshop għall-atturi fuq il-clowning flimkien maż-żewġ diretturi artistiċi tal-kumpanija. Dawn huma għalliema esperjenzati u li ħolqu rappreżentazzjonijiet, workshops għat-tfassil ta’ produzzjoni u teknika għal għadd ta’ universitajiet u istituzzjonijiet professjonali tat-taħriġ. Il-parteċipanti se jitgħallmu l-‘istat’ ta’ buffu u jiżviluppaw ukoll l-identità tagħhom bħala buffi. 

‘Project Dictator’ se tittella’ mill-24 sas-27 ta’ Ottubru, għal dawk li għandhom ’il fuq minn 16-il sena. Għal iktar informazzjoni u biex tibbukkja l-biljetti, żur https://teatrumanoel.mt/event/toi-toi-next-gen-16-project-dictator/ jew ċempel lill-Box Office fuq (+356) 21246389. L-informazzjoni fuq il-workshop ta’ Rhum + Clay – li wieħed irid jibbukkja għalih – tista’ tinstab fuq https://teatrumanoel.mt/event/toi-toi-workshop-ages-16-clowning-with-rhumclay/

Ekonomija

Sport