Żewġ Maltin kienu arrestati mill-Pulizija Maltija b’rabta ma’ operazzjoni internazzjonali kkordinata mill-Europol, bħala parti mill-akbar operazzjoni li qatt saret mill-Europol fil-ġlieda kontra l-isfruttament tat-tfal online. Wieħed mill-irġiel ta’ 27 sena tressaq il-Qorti u ammetta l-akkużi miġjuba kontrih waqt li ieħor ta’ 26 sena mistenni jitressaq il-Qorti fil-ġranet li ġejjin.
Permezz ta’ “Operation Stream”, li rat is-sehem ta’ korpi minn aktar minn 35 pajjiż madwar id-dinja, fosthom il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, ġew identifikati mal-1,400 suspettat minn madwar id-dinja, u s’issa ġew arrestati 79 individwu – fosthom tnejn f’Malta.
Fi Frar li għadda, il-Pulizija Maltija kienet irċeviet informazzjoni mill-Europol li żewġ Maltin allegatament xtraw u tellgħu materjal fuq waħda mill-akbar pjattaforma online tal-pedofelija fid-dinja, bl-isem ta’ “KidFlix”. Wara li ġew identifikati dawn iż-żewġ Maltin, f’operazzjoni konġunta internazzjonali, dawn ġew arrestati f’Malta, fl-10 ta’ Marzu, u minn tfittxijiet li saru ġew sekwestrati apparat u materjal fejn jidħol sfruttament sesswali tat-tfal online.
Waqt “Operation Stream” ġew ikkonfiskati aktar minn 3,000 apparat elettroniku madwar id-dinja, u d-79 individwu li ġew arrestati, qed jiġu investigati tall qassmu materjal ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal, fejn uħud minnhom, mhux biss tellgħu u raw filmati, iżda allegatament abbużat mit-tfal online. L-investigazzjonijiet madwar id-dinja għadhom għaddejjin.
Dan filwaqt li ngħalqet għalkollox il-pjattaforma “KidFlix”, fejn irriżulta mill-Europol li total ta’ 1.8 miljun utent madwar id-dinja lloggjaw fuqha bejn April 2022 u Marzu 2025, fejn dak iż-żmien kien fih madwar 72,000 vidjo, li ġew ikkonfiskati mill-awtoritajiet Ġermaniżi u Olandiżi.