Friday, April 26, 2024

Żewġ Serbi jingħataw sentenza sospiża wara li kisru mnieħer Żvediż f’Paceville

Aqra wkoll

Sava Kokir u Dragan Jovanovic, żewġ Serbi li t-tnejn li huma għandhom 24 sena ngħataw sentenza sospiża wara li ammettew li kkawżaw ġrieħi gravi fuq Żvediż waqt li kienu Paceville.

Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn id-29 u 30 ta’ Ġunju għall-4.15am fi Triq San Ġorġ, Paceville, f’San Ġiljan.

L-Ispettur Keith Xerri li mexxea l-Prosekuzzjoni akkużaw ukoll lis-Serbi li kisru l-paċi pubblika filwaqt li qal li wieħed mill-akkużati obda l-ordinijiet tal-pulizija mill-ewwel filwaqt li l-ieħor ħarab minn fuq il-post.

Il-vittma kellu jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi hekk kif kellu ksur f’imnieħru.

Id-difiża filwaqt li ma kkontestax il-validità tal-arrest qalet li s-Serbi akkużati ddispjaċihom ta’ dak li wettqu. Hu qal li raw ħames persuni sejrin lejhom u ħasbu li se jattakkawhom. L-avukat difensur talab biex għal dan il-każ hekk kif l-akkużati wieġbu ħatja jingħataw sentenza sospiża.

Wara li l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea semgħet liż-żewġ naħat, filwaqt li sabithom ħatja kkundannathom għal sena priġunerija sospiża għal sentejn.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma.

Sport