Saturday, November 16, 2024

Żewġ żgħażagħ fis-sakra jammettu li kisru mera ta’ karozza tal-Pulizija

Aqra wkoll

Baptiste Bernard Herisset u Tristan Yves Emile Ars, Franċiżi, it-tnejn ta’ 20 sena ammettew li nhar il-Ħamis kmieni filgħodu meta kienu San Ġiljan kisru mera ta’ karozza tal-Pulizija. Huma ġew ikundannati 6 xhur ħabs sospiżi għal sentejn.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea kif il-Pulizija fl-Għassa ta’ San Ġiljan semgħu ħoss kbir. Hekk kif ħarġu raw 4 żgħażagħ jitilqu jiġru minn fuq il-post.

Il-Pulizija mill-ewwel bdiet fit-tfittxija għalihom u fil-fatt wieħed minnhom ġie arrestat ftit tal-ħin wara filwaqt li t-tieni wieħed ġie arrestat hekk kif l-investigaturi raw il-kameras tas-sigurtà.

L-akkużati kienu mixlija li kkaġunaw ħsara fil-karozza tal-pulizija kif ukoll li kisru il-paċi pubblika b’għajjat u storbju u li kienu fis-sakra.

Hekk kif ġew mitlubin xi jwieġbu għal akkużi, huma wieġbu ħatja fejn il-prosekuzzjoni talbet għal piena ta’ 6 xhur ħabs sospiżi għal sentejn u ħlas ta’ €200 għall-ħsara fil-mera.

Il-Maġistrat Galea fis-sentenza tagħha qalet li dan l-aġir ma kienx aċċettabbli f’soċjetà ċivili. Hija kkundannathom 6 xhur ħabs sospiżi għal sentejn u ordnatilhom iħallsu lill-Kummissarju tal-Pulzija €200.

Il-prosekuzzjoni tmexxet mill-Ispetturi Roderick Attard u Nico Zarb waqt li għall-Franċiżi dehret l-Avukat Ilona Schembri.

Ekonomija

Sport