Illum, għall-ħabta tad-9:30 a.m, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza ġo knisja fi Triq San Pawl, ir-Rabat.
Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li żewġt irġiel – wieħed ta’ 61 sena residenti Ħad Dingli u l-ieħor ta’ 57 sena residenti r-Rabat – kienu qegħdin jagħmlu xogħol t’armar meta għal xi raġuni waqgħu żewġ metri minn fuq scaffolding.
L-irġiel ingħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku u r-raġel ta’ 57 sena ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Ir-raġel ta’ 61 sena ttieħed għall-kura f’Ċentru tas-Saħħa.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.