Wednesday, April 24, 2024

Il-COVID-19 u l-Immigranti

Aqra wkoll

Il-COVID-19

Il-COVID-19 għadha magħna u skont ħafna esperti tidher li ser tibqa’ magħna għal żmien mhux ħażin.  F’Malta peress li rnexxielna nikkontrollawha mingħajr ħafna tagħfis, ħafna min-nies diġa’ qiesuha bħala xi ħaġa tal-passat.  B’hekk ftit huma n-nies li qed jieħdu l-prekawzjonijiet.  Per eżempju, xi ħaġa li nosserva, fuq il-karozzi tal-linja.  Tista’ tgħid kulħadd jilbes il-maskra tajjeb ħlief, ħafna drabi, anzjani Maltin.  S’intendi mhux kollha għax għandek biċċiet minnhom li mhux talli jieħdu ħsieb tagħhom infushom iżda jaraw li kulħadd josserva r-regolamenti.

Dawn in-nies jagħtuna eżempju ta’ kif għandna nkomplu ngħixu sakemm jibqa’ magħna dan il-virus.  Sakemm ikun hemm nies mhux imlaqqma dan il-virus ser jibqa’ magħna.  Hu għalhekk li llum ħafna pajjiżi qed jagħmlu restrizzjonijiet fuq dawk li mhux imlaqqma.  Dan hu pass pożittiv għaliex mhux sew li il-maġġoranza tan-nies isibu ruħhom f’restrizzjonijiet minħabba minoranza żgħira li ma tridx titlaqqam bħal maġġoranza.  

In-numri telgħin kullimkien, inkluż Malta.  Filli konna qed insibu anqas minn għaxar każi kuljum u f’daqqa lħaqna aktar minn sittin kuljum.  Jekk aħna mhux ser nieħdu ħsieb minn issa, hemm ċans kbir li n-numri tal-infettati jkompli jikber u nerġgħu nitilfu Milied ieħor.

L-UE, l-immigranti u Malta

Il-problema tal-immigranti ilha snin magħna.  Kienet problema kbira snin ilu f’Malta u baqgħet problema kbira għall-pajjiżi l-oħra tal-Mediterran.  Ġeneralment kull meta kien ikun is-sajf u l-immigranti jibdew jinvadu l-pajjiżi tal-Mediterran kienet issir ħafna pressjoni fuq dawn il-pajjiżi.  Kulħadd jiftakar il-pressjoni kbira u l-insulti li qlajna sew mill-media Ewropea u anki mill-pajjiżi l-oħra.  Kull meta konna ngħidu li din hi problema Ewropea, ħadd, inkluż il-KE, ma kien jagħti kasna.  Il-pajjiżi nordiċi li qabel kienu taħt l-Unjoni Sovjetika qatt ma kienu lesti li jieħdu imqar immigrant wieħed.  

Wara dak li ġara fl-Afganistan u minħabba l-problemi li għandhom mal-Belarus, dawn il-pajjiżi qed jiffaċċjaw il-problema tal-immigranti.  Bħalissa l-problema qed tiffoka fuq il-Polonja.  Dawn ma ħabblux rashom u mal-ewwel bagħtu t-truppi tagħhom biex ma jħallux lill-immigranti Afgani jidħlu.  Mhux talli hekk, talli ma ħallewx lill-Frontex, li hi istituzzjoni Ewropea li suppost tieħu ħsieb il-fruntieri tal-UE, milli jersqu ‘l hemm.  Dan ma kienx biżżejjed għax lanqas ħallew lill-Gnus Magħquda tgħin lil dawn l-immigranti.  Mhux hekk biss, imma lanqas qed iħallu lill-ġurnalisti u lill-NGOs jersqu ‘l hemm.  

Dan kollu jidher li hu aċċettabbli għall-UE għax ma hemmx pajjiżi bħal Malta involuti.  Ara li kieku għamilna hekk aħna, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt, għax li kieku jgħajruna razzisti u peress li mhux inħallu lill-ġurnalisti jersqu ‘l hemm kienu jgħidulna li ma nemmnux fis-saltna tad-dritt.  Imma la hemm involut pajjiż bħall-Polonja, xejn ma jimporta.  Ir-raġuni hi li n-NATO mhix lesta li ddaffar lill-Polonja jew xi pajjiż minn dawn.

Imma dan ma kienx biżżejjed, għaliex l-UE sejħet laqgħa tal-Ministri tad-Difiża.  Dawn ma ħadux żmien biex jiddeċiedu li jieħdu azzjoni sew fuq il-Belarus u sew fuq pajjiżi oħra, bħall-Iraq u pajjiżi oħra minfejn qed jiġu dawn l-immigranti.  Imma anki hawn ma kienx biżżejjed, għaliex il-Ministri tad-Difiża riedu jkunu ċerti li n-NATO hi sodisfatta.  Fil-fatt dik il-ġurnata li ħadu d-deċiżjonijiet, fl-ikla ta’ filgħaxija li kellhom stiednu lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO biex jagħtihom il-barka tiegħu.  

Sport