Jekk Ġunju jiftaħ is-separju fuq is-sajf meteoroloġiku, ir-rebbiegħa li għadha kemm intemmet bdiet tħejji sew it-triq, partikolarment matul ix-xahar ta’ Mejju li kien ħafna iżjed xott min-norma klimatika.
Fil-fatt, ir-rebbiegħa kienet iżjed xotta min-norma klimatika, anke jekk Marzu kien imxarrab sew u ġab miegħu iktar xita mill-kwota. Matul it-tliet xhur tar-rebbiegħa, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 60.4 mm xita, bi kważi tliet kwarti minnha tkejlet tul ix-xahar ta’ Marzu.
F’dan l-ewwel xahar tar-rebbiegħa, tkejlu 46.2 mm xita, jew 6.5 mm iktar mill-kwota għal dan ix-xahar. Dan xorta ma kienx biżżejjed biex ir-rebbiegħa tilħaq in-norma klimatika ta’ 68.7 mm, għax kemm April u anke Mejju ġabu magħhom inqas xita min-norma.
Matul ix-xahar ta’ April, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 11.0 mm xita, kważi kollha fiż-żmien madwar il-Ġimgħa l-Kbira, filwaqt li tul Mejju tkejlu biss 3.2 mm xita, jiġifieri 7.1 mm inqas mill-kwota.
It-temperaturi medji tul dawn it-tliet xhur kienu qrib ħafna tan-norma klimatika. Fil-fatt, it-temperatura medja tul ir-rebbiegħa kienet dik ta’ 17.3°C, jiġifieri 0.5°C ogħla min-norma klimatika.
BIDU B’SAĦĦTU GĦAS-SAJF METEOROLOĠIKU
Intant is-sajf daħal bi ħġaru hekk kif l-ewwel ġimgħa tas-sajf meteoroloġiku kienet mmarkata b’temp xemxi u sħun, bl-ogħla temperatura tvarja bejn 30°C u 32°C. Matul il-bqija tal-ġimgħa, it-temperaturi mistennija jkomplu jvarjaw bejn massimu ta’ 32°C u minimu ta’ 21°C.
L-indiċi UV ukoll qegħdin jogħlew u sal-aħħar tal-ġimgħa telgħu għal-livell 10, meqjus għoli ħafna. L-indiċi UV mistenni jibqa’ ta’ livell 10 s’għada, u wara jinżel għal livell 9.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku ħeġġeġ lill-pubbliku biex jibqa’ jżur is-sit maltametoffice.com għall-aħħar tbassir tat-temp u anke twissijiet marbuta mat-temperaturi u s-sħana.


