Saturday, December 14, 2024

Żieda fl-impjiegi full-time f’Ġunju 2024

Aqra wkoll

Tagħrif amministrattiv mogħti minn Jobsplus juri li fi żmien sena, il-provvista tal-ħaddiema li ma tinkludix il-part-timers żdiedet b’5.4 fil-mija sabiex laħqet 287,671. Dan kien dovut l-aktar minn żieda, sena għal sena, fl-impjiegi rreġistrati full-time. Fl-istess perijodu iżda, ir-reġistru tal-qgħad żdied b’294.

F’Ġunju 2024, l-Attivitajiet taʼ servizz tal-akkomodazzjoni u tal-ikel u l-Kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut u tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi kienu l-aktar żewġ oqsma li wasslu għaż-żieda fl-impjiegi full-time, meta mqabblin maʼ Ġunju tas-sena l-oħra. Ix-xogħol full-time irreġistrat fis-settur privat telaʼ bi 13,416-il persuna għal 234,365. L-impjiegi fis-settur pubbliku żdiedu bʼ924 għal 52,137.

L-għadd taʼ nies irreġistrati li jaħdmu għal rashom full-time telaʼ b’725 fuq dak rreġistrat f’Ġunju 2023, mentri l-għadd taʼ persuni rreġistrati bħala impjegati żdied bi 13,615. L-irġiel li jaħdmu full-time żdiedu b’5.1 fil-mija, filwaqt li n-nisa żdiedu bʼ5.5 fil-mija, fuq is-sena taʼ qabel.

F’Ġunju ta’ din is-sena, l-impjiegi part-time li ġew rreġistrati żdiedu bʼ7.5 fil-mija meta mqabblin mal-istess xahar tal-2023. L-oqsma li l-aktar wasslu għal din iż-żieda kienu l-Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi u l-Attivitajiet taʼ servizz amministrattiv u taʼ sostenn.

L-għadd taʼ nies li kellhom kemm impjieg part-time kif ukoll ieħor full-time tela’ għal 43,705, żieda taʼ 8.8 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar fl-2023. Il-persuni li kellhom biss impjieg part-time kienu jammontaw għal 35,288, żieda taʼ 5.9 fil-mija fuq ix-xahar ta’ Ġunju 2023.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport