Friday, December 27, 2024

11-il sena ħabs wara li daħħlet f’Malta 2 kilogrammi kokaina

Aqra wkoll

Mara ta’ 45 sena, imwielda l-Curacao iżda m’għandix indirizz f’pajjiżna, kienet ikkundannata 11-il sena ħabs wara li ammettiet flok għaddiet ġuri li f’Novembru ta’ sentejn ilu daħħlet il-kokaina f’Malta. 

Anuschka Arlette Halman kienet akkużata b’assoċjazzjoni, importazzjoni, attentat ta’ traffikar u li kellha fil-pussess tagħha d-droga kokaina. Hija għażlet li tammetti għal dawn l-akkużi, u l-Qorti kienet ordnat li jsir pre-sentencing report fil-konfront tagħha qabel tagħti s-sentenza.

Minn dan ir-rapport irriżulta li l-mara kellha trobbija diffiċli u kienet anke vittma ta’ vjolenza domestika fid-dar fejn kienet toqgħod. Irriżulta li hija kellha titlaq mill-iskola kmieni fuq insistenza ta’ ommha u għalhekk ma setgħetx tkompli bl-istudji tagħha. 

Hija kienet inqabdet fil-pussess ta’ aktar minn żewġ kilogrammi kokaina mal-wasla tagħha f’pajjiżna b’titjira minn Brussell. Il-valur tad-droga li kieku nbiegħet kien ilaħħaq il-€133,235. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qieset l-ammont ta’ droga misjub fil-pussess tagħha bħala wieħed konsiderevoli u li kieku ma kienx għall-intervent tal-pulizija, din id-droga kienet tispiċċa fis-suq lokali. 

Min-naħa l-oħra, innotat kif l-akkużata kienet persuna li ġġorr id-droga u ta’ dan ix-xogħol, kif stqarret hi stess, kienet taqla’ mal-€1,250. Il-Qorti saħqet iżda li l-mara kellha rwol minimu fl-organizzazzjoni ta’ dan il-ftehim dwar l-imsemmija droga. 

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef Scerri Herrera sabitha ħatja tal-akkużzi kollha miġjuba kontra tagħha u kkundannatha 11-il sena priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €25,000.

Ekonomija

Sport