Elkekli Mohamed, Libjan ta’ 40 sena residenti San Pawl il-Baħar ġie kkundannat 20 xahar ħabs wara li nstab ħati li kellu d-droga lesta għall-bejgħ.
Quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil, il-Libjan ġie akkużat li l-ġimgħa li għaddiet, kien fil-pussess tal-kokaina f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu personali.
Hu kien akkużat ukoll li kien fil-pussess ta’ droga oħra taħt l-istess ċirkostanzi u li kkommetta reat waqt li kien għadu taħt sentenza sospiża li nqatgħet kontrih f’Novembru li għadda. Hu ġie akkużat ukoll li huwa riċediv.
L-akkużat ammetta l-akkużi kollha kontrih. Hu ġie kkundannat tmien xhur ħabs u multa ta’ €500 li jridu jitħallsu fi żmien 11-il xahar. Minħabba li l-Libjan instab ħati ta’ reati li kkommetta qabel, is-sentenza sospiża nbidlet f’dik ta’ priġunerija effettiva u ntbagħat sena ħabs żejda fuqha. Il-Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga.