Il-Gvern se jkun qed iwessa’ l-miżura tal-equity sharing sabiex iżjed żgħażagħ jkollhom l-opportunità jsiru sidien ta’ darhom. Dan huwa pass importanti li jkompli juri l-impenn ta’ dan il-Gvern biex jgħin lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tibni l-futur tagħha b’aktar sigurtà u stabbiltà.
Dan is-sit staqsa lil Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa dwar x’jaħseb. Zerafa beda biex qalilna li l-iskema Equity Sharing hija waħda mill-għajnuniet innovattivi li toffri l-Awtorità biex tassisti familji u individwi jsiru sidien ta’ djarhom. Irrimarka li permezz ta’ din l-iskema, l-Awtorità tidħol fi sħab ma’ individwi li għandhom ’il fuq minn tletin sena li minħabba l-età u d-dħul tagħhom isibuha diffiċli biex jaċċessaw self minn bank.
Ġie spjegat li l-applikanti jistgħu jixtru proprjetà b’valur ta’ €250,000 filwaqt li l-Awtorità tassisti billi tixtri bi sħab magħhom sa 50% tal-proprjetà liema sehem m’għandux jaqbeż il-€100,000.
Zerafa qal ukoll; “Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-bank APS biex inkomplu ntejjbu din l-iskema u niftħuha għal aktar familji zgħazagħ. 317 familja saru sidien ta’ djarhom permezz ta’ din l-iskema”