Tuesday, May 14, 2024

€500 multa talli weġġa’ turista bi-karozzin fl-Imdina

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appella ma laqgħetx it-talba ta’ Oliver Schembri wara li fl-2016 kien instab ħati li weġġa’ turista gravi waqt li kien qed isuq karozzin fit-toroq tal-Imdina.

L-Ewwel Qorti kienet sabet lil Schembri ħati u mmultatu €500 kif ukoll kellu l-liċenzja ta’ kuċċier sospiża għal 3 xhur.

Min-naħa tiegħu l-akkużat kien ilment li l-Ewwel Qorti ma kellha l-ebda prova li kien qed isuq perikoluż għax skontu l-vittma ma waqgħetx għalkemm idha kienet inqabdet mill-ġenb tal-karozzin.

Huwa żied jilmenta li kien qed iġorr erba’ persuni u li għalhekk ma setax kien qed isuq b’veloċità minħabba l-piż. Argumenta wkoll, fost l-oħrajn, li n-nies li kien hemm fit-triq kellhom biżżejjed ħin biex jersqu mal-ħajt. Il-vittma, skontu, ma żammitx idha ‘l ġewwa.

Il-vittma kienet xhedet li l-karozzin kien qed isuq b’’veloċità mhux ħażin.

Għall-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, m’hemm l-ebda raġuni għala għandha tinbidel il-piena, u kkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti.

Sport