Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) qassam madwar €1.1 miljun f’fondi allokati għal din is-sena lil 40 għaqda volontarja u 12-il kunsill lokali u kunsill reġjonali sabiex jitwettqu 52 proġett ġdid. Dan wara proċess kompetittiv miftuħ għall-entitajiet eliġibbli taħt l-iskema Community Support Scheme (CSS), li kienet miftuħa għal dawk li preżentament ma jikkwalifikawx għall-fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-programm LEADER.
Il-proġetti jinkludu inizjattivi relatati mal-protezzjoni u t-titjib ambjentali, proġetti komunitarji fuq skala żgħira li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-lokalitajiet, kif ukoll interventi ta’ restawr u konservazzjoni ta’ spazji pubbliċi, strutturi storiċi jew elementi kulturali ta’ valur għall-komunità.
L-għotjiet lill-għaqdiet volontarji ġew ippreżentati mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, iċ-Chairperson tal-MCVS Gertrude Buttigieg u l-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Anthony Gatt u l-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji Jesmond Saliba.
Il-Ministru Julia Farrugia spjegat, “Dan l-investiment huwa prova ċara tal-viżjoni u r-rieda politika tagħna li nsaħħu l-qafas soċjali u komunitarju tal-pajjiż. Minn allokazzjoni inizjali ta’ €800,000, għażilna li mmorru lil hinn minn dak li kien ippjanat u nżidu l-investiment għal aktar minn miljun ewro. Din id-deċiżjoni turi kemm nemmnu fil-valur tal-volontarjat u fil-potenzjal tal-komunitajiet tagħna. Din mhijiex biss żieda fil-fondi, iżda sinjal ċar ta’ prijoritajiet politiċi li jqiegħdu lin-nies u l-kwalità tal-ħajja tagħhom fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna.”
“Permezz ta’ dawn il-proġetti, qed nagħtu spinta lill-inizjattivi li mhux biss jindirizzaw bżonnijiet immedjati, iżda li jibnu komunitajiet aktar sostenibbli, inklussivi u reżiljenti fit-tul. Aħna determinati li nkomplu ninvestu fejn hemm bżonn, nappoġġjaw lil min jaħdem b’passjoni fil-livell lokali, u nassiguraw li kull ewro jmur biex jagħmel differenza konkreta fil-ħajja tan-nies,” sostniet il-Ministru Julia Farrugia.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandalo qal, “Huwa ta’ pjaċir naraw aktar fondi jmorru direttament fil-komunitajiet b’mod tanġibbli, u dan huwa eżempju ieħor ċar ta’ kif naħdmu lkoll flimkien u jirnexxielna. Dan bis-sehem dirett tal-għaqdiet, kunsilli lokali u kunsilli reġjonali li rrispondew bi ħġarhom għas-sejħa u li ser ikunu qed jimplimentaw dawn il-proġetti għall-benefiċċju tas-soċjetà.”
Apparti dan tħabbar ukoll li t-tieni sejħa għall-proposti għal din l-iskema, li ser tinħareġ fil-portal tal-MCVS, www.vofunding.org.mt, ser tkun qed terġa’ toħroġ fix-xhur li ġejjin. Dan ser jinkludi linji gwida għall-għaqdiet sabiex jiġu megħjuna jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom. Permezz ta’ din l-iskema, aktar minn 900 għaqda volontarja li joperaw f’waħda minn 21 lokalità, flimkien mal-istess 21 kunsill lokali u 4 kunsilli reġjonali, huma eliġibbli biex jiksbu fondi għal proġetti jew inizjattivi. L-għaqdiet li japplikaw għall-fondi jeħtieġ li jkunu rreġistrati u konformi mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.


