Waqt il-finali tal-edizzjoni 2026 ta’ “Young Parliamentarians – Ejjew niddibattu”, il-President tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia appella biex il-paċi, ir-responsabbiltà u l-ġid komuni jerġgħu jingħataw il-post ċentrali li jixirqilhom fil-ħajja pubblika. Huwa wissa li l-paċi qatt ma għandha tittieħed bħala xi ħaġa garantita, u saħaq li poplu li jieqaf jitkellem bil-qawwa dwar il-paċi jkun qed jirriskja li jitlef mhux biss id-direzzjoni tiegħu, iżda wkoll ir-ruħ tiegħu.
L-Ispeaker enfasizza li l-Parlament għandu jibqa’ l-ogħla spazju ta’ ħsieb serju, ta’ smigħ responsabbli u ta’ deċiżjonijiet meħuda għall-ġid ta’ kulħadd. Huwa saħaq li d-dibattitu demokratiku veru ma jistax jinbena fuq l-istorbju jew fuq l-emozzjoni biss, iżda għandu jkun mibni fuq il-fatti, ir-riċerka, l-analiżi u sens qawwi ta’ responsabbiltà lejn il-poplu.
F’messaġġ mimli fiduċja fil-ġenerazzjoni żagħżugħa, il-President tal-Kamra faħħar liż-żgħażagħ preżenti għall-maturità, il-kuraġġ u l-ħeġġa tagħhom biex jidħlu fil-fond ta’ temi li jolqtu direttament il-futur tagħhom. Huwa sostna li pajjiż li għandu żgħażagħ lesti jisimgħu, jiddibattu u jipproponu b’serjetà, ikun qed jibni pedament sod għal għada aħjar.


