Saturday, April 25, 2026

DIKJARAZZJONI STUNATA MILL-PARTIT NAZZJONALISTA

Aqra wkoll

Proprju ftit tal-jiem ilu, smajna b’dikjarazzjoni li stonat sew. Kienet dikjarazzjoni li saret mill-Kap Nazzjonalista Alex Borg. Dikjarazzjoni li kienet tirrigwarda l-kunflitt fil-Golf Għarbi. Kunflitt li ejja ngħiduha kif inhi, qiegħed iħasseb lil ħafna. Mhux biss iħasseb imma li qiegħed jolqtona b’mod dirett. Għandna imprendituri li diġa qegħdin iħossu l-għafsa taż-żieda fil-prezzijiet tat-trasport. Prodotti jogħlew. Inċertezzi fuq titjiriet b’kumpaniji stabbiliti tal-ajru jħabbru li qegħdin inaqqsu l-vjaġġi.

Għalhekk dak li mal il-Kap Nazzjonalista Alex Borg kien jistona sew. Quddiem is-segwaċi tiegħu qalilna hekk: “kważi kważi bdew jgħidu li hawn kriżi ġo pajjiżna minħabba l-gwerra ta’ bħalissa. Għidli int, Malta pajjiż newtrali, x’għandha x’taqsam.”

Dikjarazzjoni  li minnha nfiha joħorġu ħafna mistoqsijiet għal Alex Borg. Possibbli u verament temmen li pajjiżna mhux qiegħed jintlaqat minn dan il-kunflitt?  Kif tista’ tgħid li pajjiżna mhux milqut, metą għandna d-dinja kollha u pajjiżi ħafna akbar minnhna imħassbin b’dan il-kunflitt għax qiegħed jaffettwahom b’mod negattiv ħafna? Kif jista’ post, li minnu jgħaddu wieħed minn kull ħames tankers fid-dinja u li bħalissa hemm inċertezza kbira fuqu u fuq dak li jgħaddi minnu, ma jaffettwax lilla jew pajjiżi oħra. 

Lil hinn minn dak li ddikjara l-Kap Nazzjonalista Alex Borg, għandna sitwazzjoni fejn per eżempju l-Unjoni Ewropea diġa ddikjaraw li jistgħu jimxu lejn razzjonament tal-fjuwil. Dan se jkun qiegħed isir b’diversi metodi. Fost dawn hemm dik li jħeġġu qsim ta’ vjaġġġi m’aktar nies u t-trasport pubbliku, inaqqsu l-ivvjaġġar bl-ajru, u jbaxxu l-limitu tal-veloċità fuq l-awtostradi biex jitnaqqas il-konsum tal-fjuwil, speċjalment id-diżil. 

Jekk nagħtu ħarsa lejn l-ekonomiji madwar id-dinja naraw li ċ-ċifri ekonomiċi globali mhumiex tajbin. Jekk nagħtu ħarsa lejn il-Fond Monetarju Internazzjonali naraw li dan irreveda t-tkabbir ekonomiku ’l isfel. L-inflazzjoni, kollox jindika li se terġa’ tiżdied u tħarbat ħafna ekonomiji fl-Unjoni Ewropea u fil-Punent. 

U rridu ngħidu, la tinħoloq instabbilità u inċertezza kif inħoloq b’dan l-attakk illegali mill-Istati Uniti u mill-Gvern ta’ Netanyahu, is-sitwazzjoni mhux se tiġi għan-normal malajr anke jekk ikun hemm ftehim.  L-istabbilità trid iż-żmien biex terġa’ tinkiseb. 

Dak li l-aktar li affettwa l-pajjiżi madwar id-dinja minn dan il-kunflitt hu l-inċertezza fil-prezz taż-żejt. Minn $70-il barmil rajnieh tiela u llum qiegħed aktar minn $100-il barmil. Hekk kif żdied il-prezz taż-żejt rajna kumpaniji jirrevedu t-tariffi tat-trasport kemm bil-baħar u kemm bl-ajru. Il-prezz tal-kontejners beda jiżdied ukoll u dan hu fattur importanti għall-merkanzija. Rajna bastimenti jieħdu traġitti itwal biex jevitaw iż-żona ta’ kunflitt. Fuq kollox il-popli madwar l-Ewropa u fid-dinja bdew iħossu l-piż dirett għax il-fjuwil fil-pompi beda jogħla. Minħabba dan, ma naqsux il-protesti, fejn spikkaw dawk fl-Irlanda. 

L-operaturi ekonomiċi fl-industrija qegħdin jgħidu ċar u ton li l-ispejjeż huma esaġerati. Kumpaniji tal-ajru bdew jgħidu li m’għadux vijabbli li joperaw ċertu rotot. 

Hemm l-argument li minħabba li ġew affettwati l-provvisti tal-fertilizzanti, li tant huma importanti għas-settur agrikolu dinji, hemm probabbilità kbira li jkun hemm tnaqqis fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli. Dan se jkun iffisser skarsezza ta’ ċertu prodotti u prodotti għola.

U allura, dikjarazzjonijiet bħala li m’aħniex affettwati huma frivoli għal aħħar. Huma dikjarazzjonijiet li ma jwasslu imkien. Dikjarazzjonijiet li tismagħhom bilfors imma realment taf li mhux il-każ. Dan għax l-inċertezza qegħdin inħossuha. Qegħdin narawha. 

Diskorsi bħal dawn, li jġibu lil pajjiżna li qisu qiegħed ġo bozza, ma jwasslu imkien. Aħna ma ngħixux f’bozza. Aħna parti mid-dinja, u kwalunkwe impatt, reġjonali jew globali, jolqot l-ekonomija tagħna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport