Saturday, May 18, 2024

75% tat-turisti fl-2019 ġew fl-ewwel nofs tas-sena

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-ammont ta’ wasliet mit-turisti fl-ewwel sitt xhur tas-sena kienu jlaħħqu l-75% tal-livelli rreġistrati fl-2019. Dan jirriżulta minn stħarriġ ippubblikat mill-kumpanija Deloitte dwar l-andament turistiku fl-ewwel xhur ta’ din is-sena. 

L-istħarriġ wera xejra pożittiva ta’ rkupru fin-numru ta’ turisti li ġew Malta f’dan il-perjodu. Bħala medja, it-tul tal-btala tagħhom f’pajjiżna kienet marġinalment ogħla filwaqt li t-total ta’ ljieli mqattgħin mit-turisti kienu jlaħħqu t-78% tal-livelli tal-2019.

L-infiq ta’ kuljum mit-turisti bħala medja kien dak ta’ €120.41, li huwa 4.6% aktar mil-livell ta’ infiq irreġistrat fl-2019. In-nefqa totali tat-turisti fil-perjodu bejn Jannar u Settembru 2022 laħqet it-89.2% ta’ dak miksub fil-perjodu korrispondenti ta’ tliet snin ilu. 

Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Lulju u Settembru, lukandi ta’ ħames stilel komplew jirreġistraw titjib, li fissru kważi 82% tar-rati ta’ okkupanza tal-2019. Il-livelli ta’ okkupanza għall-ewwel tliet kwarti ta’ din is-sena laħqu 53.6% tal-livelli tal-2019 iżda din il-medja kellha impatt minn rati baxxi ta’ okkupanza fl-ewwel kwart minħabba l-effetti tal-pandemija.

L-istħarriġ sab ukoll li f’dak li jirrigwardja lukandi ta’ erba’ stilel, kien hemm tnaqqis ta’ 7.2% fir-rati ta’ okkupanza meta mqabbel mal-2019 filwaqt li għal lukandi ta’ tliet stilel kienet irreġistrata kważi l-istess rata, jiġifieri dik ta’ 93.3%. 

F’kumment dwar dan l-istħarriġ, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Tony Zahra sostna li tali rkupru mhux biss jirrifletti n-natura reżiljenti tas-settur turistiku iżda jirrifletti wkoll l-isforzi kollettivi li saru mill-istakeholders kollha involuti f’dan is-settur. 

Is-Sur Zahra spjega li l-istakeholders fit-turiżmu għandhom jikkunsidraw metodi ġodda li jorjentaw “il-mewġa li jmiss ta’ investimenti” biex jinkiseb tkabbir sostenibbli. f’dan il-kuntest, huwa rrefera għall-programm ta’ ristrutturar li għaddejja minnu l-Air Malta bħalissa u tenna l-fehma tal-MHRA li l-Air Malta tibqa’ ttir. 

Minn perspettiva aktar usa’, il-President tal-MHRA enfasizza li “jeħtieġ li jkun hemm aktar konnettività biex jintlaħqu l-livelli tal-wasliet li kellna fl-2019.” Kompla billi rrikonoxxa li l-isfidi għadhom ma spiċċawx, u li l-gwerra fl-Ukrajna wasslet għal kriżi globali, jiġifieri fil-provvisti tal-enerġija u tal-ikel. 

Kien hawn fejn faħħar il-viżjoni tal-Gvern kif riflessa fil-baġit li jinvesti €600 miljun oħra biex jappoġġjaw lill-familji u n-negozji biex jaffaċċjaw dawn l-isfidi, jiżguraw l-istabbilità u appoġġ għal aktar tkabbir ekonomiku sostenibbli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, is-Sur Carlo Micallef irrimarka li l-Awtorità qed tantiċipa li jkollna qrib it-2.2 miljun turist li jkunu żaru Malta u Għawdex sal-aħħar tal-2022. 

Huwa nnota wkoll li l-maġġoranza tal-linji tal-ajru li operaw fis-sajf li għadda se jkomplu wkoll fix-xitwa 2022/2023. L-Air Serbia se terġa’ tibda topera lejn Malta u titjiriet diretti lejn Stokkolma se jerġgħu jibdew minn Ryanair. Dan filwaqt li l-Emirates se tibda topera titjiriet ta’ kuljum minn din ix-xitwa wkoll. 

Sport