Sunday, May 5, 2024

“Budget li ma jħarisx fit-tul b’soluzzjoni fjakka għall-għoli tal-ħajja”

L-ADPD dwar il-budget 2023

Aqra wkoll

Minkejja li l-Budget li ġie ppreżentat nhar it-Tnejn, fih numru ta’ miżuri pożittivi, intilfet opportunità unika għax jonqos milli jħares fit-tul u jfassal it-tibdiliet neċessarji li huma meħtiega biex jindirizza l-isfidi li hemm wara l-bieb.  Il-Budget jonqos milli joffri viżjoni li biha jindirizza l-impatti dejjem jiżdiedu mit-tibdil fil-klima. Min-naħa l-oħra, s-soluzzjoni offruta biex tindirizza ż-żieda għall-għoli tal-ħajja hija waħda fjakka li tinjora l-problema reali. Dawn qaluh il-kelliema ta’ ADPD – The Green Party meta indirizzaw konferenza stampa quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta dalgħodu.

Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, il-Perit Carmel Cacopardo qal li s-skiet kważi komplet tal-Budget dwar il-klima hu inkwetanti għax ifisser li l-Ministru tal-Finanzi għadu ma jħossx l-importanza enormi tal-materja. 

Cacopardo kompla biex jgħid li minkejja li fis-snin passati ntefqu miljuni kbar kontra l-għargħar, kull meta jkollna maltempata it-toroq tagħna għadhom jegħrqu. Sostna li bħala ADPD Tkellimu diversi drabi dwar in-nuqqasijiet gravi kemm fl-infrastruttura tal-pajjiż kif ukoll fil-bini eżistenti li ma fihx bjar għall-ġbir tal-ilma tax-xita.

Saħaq li hemm nuqqas ta’ viżjoni fit-tul dwar l-impatti tal-klima fuq il-pajjiż u in partikolari kif din tolqot kemm l-infrastruttura marittima kif ukoll dik kostali ladarba jibda jinħass l-impatt ta’ żieda fil-livell tal-baħar. 

Cacopardo qal li apparti l-infrastruttura marittima innifisha, l-infrastruttura turistika hi kollha mal-kosta, il-parti l-kbira tagħha f’livell tal-baħar u li allura tkun affettwata sostanzjalment bi kwalunkwe tibdil fil-livell tal-baħar. Żied jgħid li hemm ukoll diversi żoni residenzjali fil-livell tal-baħar u għalhekk is-skiet fid-diskors tal-Budget dwar dan kollu jfisser li l-Gvern m’għandu l-ebda pjan. 

“Huwa Budget li ma jħarisx fit-tul billi ma ressaqx pjanijiet kif dawk il-problemi kemm ambjentali u soċjali jiġu indirizzati illum biex ikun hemm kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd b’użu aħjar tar-riżorsi limitati ta’ pajjiżna”, temm jgħid Cacopardo.

Sport