Sunday, November 24, 2024

Abela jappella għar-responsabbiltà u jisħaq dwar l-importanza tat-teħid tal-vaċċin

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar l-importanza tat-teħid tal-vaċċin kontra l-Covid-19 u sostna li dan qed ikun ta’ għajnuna biex nibqgħu ngħixu bl-inqas miżuri restrittivi possibbli u dan b’mod speċjali meta wieħed iqabbel dan mal-kumplament tal-pajjiżi Ewropej.

Ma naqasx iżda l-appell għar-responsabbiltà għall-osservanza tan-numru relattivament żgħir ta’ miżuri li qegħdin fis-seħħ bħalissa. Qal li bl-osservanza ta’ dawn il-miżuri, flimkien mat-teħid tal-vaċċin u tad-doża adizzjonali, qed iwasslu biex qed ngħixu differenti minn pajjiżi oħra madwar id-dinja, ħajja li tista’ tgħid li hija qrib ħafna tan-normal. 

Huwa qal dan illum waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara l-konferenza fejn fiha ġie inawgurat iċ-ċentru terapewtiku għall-adoloxxenti Tal-Ibwar.

“L-appell tiegħi jibqa’ wieħed ta’ responsabbiltà. Se nkunu nistgħu nkomplu ngħixu bil-mod li qed ngħixu illum għaliex sa issa għandna infezzjonijiet, każijiet aktar minn infezzjonijet li ddaħħlu l-isptar fih s’issa, partikolarment fil-kura intensiva, li baqgħu taħt kontroll u u għaldaqstant il-parir li għandna mill-awtoritajiet tas-saħħa li nistgħu nibqgħu bil-miżuri li għandna sal-lum, jiġifieri ma hemmx ħtieġa ta’ miżuri addizzjonali.”

Fil-ħin tal-mistoqsijiet il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar Steward Healthcare u dwar l-MEP Roberta Metsola rigward in-nomina tagħha għall-President tal-Parlament Ewropew.

Dwar Steward Healthcare, Abela qal li min-naħa tal-Gvern se jibqa’ jkun hemm l-ottemperanza fuq il-konoformità ma’ dawk il-klawsoli kuntattwali u żied jgħid li kull fejn Steward se jonqos milli josservahom, il-Gvern se jkun qed jaġixxi b’kull mezz legali.

Dwar Metsola qal li huwa se jkun qed jappoġġja n-nomina tagħha għax qal li kieku kellu jaħdem b’mod li ma jappoġġjax din in-nomina, ikun qiegħed jaħdem bl-istess mod li ħadmet hi fir-rigward ta’ pajjiżna. 

Sport