Saturday, March 15, 2025

ABORT

Aqra wkoll

Donnha ttaffiet il-kontroversja dwar l-abort fil-pajjiż. Fl-aħħar ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Mara, bilkemm issemmiet. Sadattant, l-affarijiet baqgħu kif kienu. Ħabib tiegħi wissieni kontra l-fehma li kien intlaħaq xi kompromess “storiku” dwar dil-ħaġa.

“Jew,” kompla jgħid, “il-kompromess qed jintlaħaq b’dal-mod: Li l-liġijiet ma jintmessux imma jibqa’ jkun hemm biex ngħidu hekk, flessibiltà f’kif jitħaddmu. Sakemm il-propaganda u l-appoġġ għall-abort jinżammu f’ċerti limiti, li ma jdejqux wisq lill-‘konservattivi’, l-abort jitħalla jsir. Kif dejjem wara kollox kien jiġri f’dal-pajjiż, sa minn żmien il-Kavalieri u qabel. Terġa’, bl-avvanzi tat-teknoloġija, il-mezzi kimiċi saru dejjem aktar sofistikati u faċli. Naħseb li qed jintużaw dejjem aktar u aħjar. Insomma kompromess jekk trid tgħidlu hekk, fl-aqwa tradizzjoni tal-Malti fejn tkun …” Hawn il-ħabib tiegħi uża frażi volgari li kulħadd juża imma li m’għandix għalfejn nirrepeti.

Ma nafx kemm hu korrett fil-ġudizzji tiegħu. Forsi iva, forsi le. U forsi wkoll li hu kompromess korrett, min jaf? Li jinkwetani hu li jistgħu jispiċċaw vittmi tal-kompromess dawk li dejjem jispiċċaw vittmi – nisa li huma ekonomikament, soċjalment u kulturalment sotto-privileġġjati.

TRASPARENZA

Niskanta kif f’demokraziji, il-ħtieġa ta’ trasparenza fit-tmexxija ta’ pajjiż saret tingħata dejjem anqas importanza. Hu minnu li peress li demokrazija tfisser li naħa tgħid ħaġa u l-oħra l-kuntrarju, se jqumu sfumaturi. Il-fatti jinqalbu ta’ taħt fuq. Imma din għandha titqies bħala parti mill-ħajja.

It-trasparenza fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-ħajja publika jeħtieġ tibqa’ titqies bħala element mill-aqwa fit-tmexxija demokratika (tkun ta’ liema partit tkun). Tiżgura li d-demokrazija tibqa’ aktar effettiva minn tmexxija awtoritarja jew dittatorjali.

PERSPETTIVI 

Meta niġġudikaw lil gvernijiet u l-organizzazzjonijiet politiċi barranin għal dak li jagħmlu u ma jagħmlux kważi dejjem nibqgħu konxji biss minn xi jkun ġara fl-aħħar żminijiet, skont kif il-ġrajjiet ikunu twasslu lilna mill-aġenziji internazzjonali tal-aħbarijiet u mill-istess gvernijiet. Dawn mhux se jagħtu (għax mhux ix-xogħol tagħhom) perspettivi dwar kif jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet li jmorru lil hinn mir-realtajiet tal-lum.

Imma togħod taħseb: il-ġudizzji li jkunu qed isiru dwar ir-realtajiet politiċi min-naħat kollha, jkunu wkoll determinati mill-esperjenza storika li l-komunitajiet nazzjonali differenti għaddew minnha f’passat riċenti u mbiegħed.

Ovvjamant, dan jiġri f’Malta wkoll. It-tifsir li taw u li għadhom jagħtu gvernijiet u partiti politiċi fostna dwar kif u għaliex jieħdu l-pożizzjoni tagħhom imorru lura fost oħrajn – għall-Assedju l-Kbir; il-Kavalieri f’Malta; is-Sette Giugno; il-blitz fuq Malta tat-Tieni Gwerra Dinjija; is-snin Sittin tas-seklu l-ieħor bl-Indipendenza. Kollha fatturi dawn li jispjegaw  għaliex deċiżjonijiet nazzjonali tagħna ttieħdu b’mod u mhux b’ieħor.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport