Tuesday, April 21, 2026

Aċċess imsaħħaħ għal trattament modern għall-insuffiċjenza tal-qalb

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar kif b’investiment ta’ €6 miljun, 4,000 persuna ser jibbenefikaw minn estensjoni tal-aċċess għall-mediċina Entresto (sacubitril/valsartan) fil-formularju tal-Gvern, bħala parti minn impenn kontinwu biex titjieb il-kura għal pazjenti li jgħixu b’insuffiċjenza tal-qalb.

Din il-kundizzjoni kronika taffettwa eluf ta’ persuni u għandha impatt sinifikanti fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Intqal kif avvanzi mediċi riċenti qed jippermettu trattamenti aktar effettivi li jnaqqsu r-riskju ta’ rikoveri fl-isptar u jtejbu s-sintomi. Entresto hija terapija moderna użata b’suċċess f’diversi pajjiżi, speċjalment għal pazjenti li ma jirrispondux biżżejjed għal trattamenti standard.

Il-mediċina Entresto tista’ tintuża fl-adulti, adolexxenti u tfal minn sena ’l fuq li jbatu minn insuffiċjenza kronika tal-qalb. Hija disponibbli fi tliet dożi differenti biex it-trattament ikun adattat għall-bżonnijiet tal-pazjent.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif din l-inizjattiva tibni fuq passi oħra li diġà ttieħdu, inkluża l-introduzzjoni ta’ mediċini bħall-empagliflozin (Jardiance), u tifforma parti minn viżjoni li tqiegħed lill-pazjent fiċ-ċentru tas-servizz tas-saħħa, b’enfasi fuq trattamenti bbażati fuq evidenza xjentifika.

Dr Abela spjega kif dan l-investiment jirrifletti impenn lejn kura moderna u sostenibbli. Tenna kif l-implimentazzjoni mistennija tibda fil-jiem li ġejjin b’mod gradwali u monitorjat, biex tiġi żgurata kontinwità fil-kura. Qal, kif l-introduzzjoni ser issir permezz ta’ proċess strutturat skont il-Formularju Nazzjonali, bi kriterji ċari ta’ eliġibbiltà u protokolli ta’ preskrizzjoni biex jiġi żgurat użu sigur u ġust. Il-proċess ta’ akkwist jinsab fl-aħħar stadji.

“Din il-miżura tgħin biex jiġu mħarsa pazjenti bi problemi tal-qalb. Dan ikompli jsaħħaħ sistema tas-saħħa li toffri kwalità, ekwità u tama lill-pazjenti kollha. Il-Gvern kommess li jkompli joffri l-aħjar kura lill-pazjenti Għawdxin u Maltin biex inkomplu nissalvagwardjaw is-saħħa u s-sostenibbiltà tas-sistemi tagħna”, temm jgħid il-Ministru Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport