Tuesday, January 14, 2025

Aġenzija Żgħażagħ tellgħet it-13-il Sessjoni Nazzjonali tal-Model European Parliament

Aqra wkoll

Ġiet organizzata it-13-il Sessjoni Nazzjonali tal-Model European Parliament, inizjattiva organizzata minn Aġenzija Żgħażagħ li timmarka pass ieħor importanti fl-impenn ta’ Malta biex tappoġġja liż-żgħażagħ bħala aġenti ta’ bidla. Din l-esperjenza, li mhux biss tistimula l-ħidma tal-Parlament Ewropew iżda tinvolvi wkoll iż-żgħażagħ fil-proċess demokratiku, kompliet tissottolinja s-saħħa tal-unità Ewropea u l-kontribut essenzjali tal-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza ta’ din l-inizjattiva meta tkellem fil-ftuħ tas-sessjoni. “Il-Model European Parliament mhuwiex biss eżerċizzju politiku; huwa proċess li jittrasforma. Iż-żgħażagħ tagħna mhux qed jitgħallmu biss dwar il-politika iżda qed jgħixuha. Din l-esperjenza tfassal lilkom bħala l-mexxejja li għandna bżonn għada,” sostna s-segretarju parlamentari.

Il-programm, li minn meta Aġenzija Żgħażagħ ħadet f’idejha r-rwol ta’ Koordinatur Nazzjonali fl-2017, diġà ħalla impatt pożittiv fuq aktar minn 400 żagħżugħ u żagħżugħa. Matul is-sessjoni, li ffukat fuq temi kruċjali li jolqtu lill-Ewropa kollha, il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jiddiskutu u jipproponu soluzzjonijiet għal dawn l-isfidi, u b’hekk ikkontribwew għall-bini ta’ diskussjoni Ewropea sostenibbli.

“Dan il-programm huwa wkoll pjattaforma biex iż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet fundamentali bħal public speaking, ħiliet relatati ma’ dibattitu, u ħsieb ibbażat fuq l-evidenza. Dawn huma ħiliet li jsiru l-pedament tal-karrieri tagħhom u tal-kontribut tagħhom lis-soċjetà,” żied jgħid is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.

Fl-aħħar tas-sessjoni, ġie enfasizzat ukoll kif l-esperjenza tal-Model European Parliament tkompli tmexxi lill-parteċipanti lejn aktar involviment fl-affarijiet Ewropej. Għaxar delegati ġew magħżula biex jirrappreżentaw lil Malta fil-61 u t-62 Sessjoni Internazzjonali ġewwa Kehl/Strasbourg u The Hague.

Is-segretarju parlamentari enfasizza l-importanza tal-kontribut taż-żgħażagħ fl-iżvilupp tal-politiki tal-futur. Huwa issottolinja kif id-dibattiti u r-riżoluzzjonijiet imfassla matul is-sessjoni għandhom il-potenzjal li jsiru l-bażi għall-politiki li jmexxu ’l quddiem lil Malta u l-Ewropa. Sostna wkoll li l-vuċi taż-żgħażagħ hija essenzjali għall-progress fil-ħidma kollettiva għas-sostenibbiltà, l-inklużjoni, u l-benesseri ta’ kulħadd.

“Dan l-avveniment jikkonferma l-impenn ta’ Malta lejn żgħażagħ attivi, infurmati u impenjati fit-tfassil ta’ futur aħjar,” temm jgħid is-segretarju parlamentari.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport