Qaltlu “aħraqha sewwa ħalli tkun maħruqa sewwa” u tagħtu istruzzjonijiet biex jixtri l-petrol, jilbes ċerti ħwejjaġ ħalli ma jintgħarafx u biex jinża ż-żarbun biex ma jagħmlux ħsejjes fit-triq. Dawn kienu kollha parti minn pjan ta’ mara u raġel deskritt minn terza persuna li kien involut f’azzjoni kriminali biex tingħata n-nar karozza tat-tip Mercedes. F’dan l-att li seħħ fil-Belt Valletta lura fl-2019 mhux biss inħarqet apposta l-karozza immarkata imma qabdet oħra li kienet ipparjkajata ħdejha. In-nirien ħakmu wkoll b’periklu faċċata tal-binja fejn kienu pparkjati l-vetturi inkwistjoni u garaxx.
F’dan il-każ xehed terza persuna fejn ammetta kompliċità biex tinħaraq vettura mal-imputat raġel u dan fuq struzzjonjiet tal-imputata mara. Il-kompliċi spjega li f’Novembru 2019 huwa kien mar fir-residenza tal-mara fil-Belt Valletta flimkien mal-imputat biex jixtru pipa. Huwa spjega li l-mara u r-raġel qalulu li kellu jirkeb f’taxi u jmur jixtri l-petrol u jerġa’ jmur lura fir-residenza tal-imputata. Iżda, f’dan kollu, l-imputati ma tawhx ir-raġuni għala kellu jixtri l-imsemmi petrol.
Ix-xhud fil-Qorti ddeskriva kif il-mara tatu landa u €10 u rikeb fit-taxi li ġie ħdejn id-dar. Meta mar fil-pompa tal-petrol li kienet indikatlu l-istess mara, huwa sab li din kienet magħluqa. Għalhekk ċemplilha fejn qaltlu biex hija stess tkellem lix-xufier tat-taxi. Dan għadda l-mobile phone lix-xufier u mela żewġ laned bil-petrol, liema laned kienu sabuhom fil-ġenb ħdejn il-magni tal-petrol.
Att kriminali studjat sew…
Fix-xiehda l-kompliċi spjega li ma kienx uża l-kontenitur li kienet tatu l-imputata, li mar bit-taxi lura sad-dar tagħha fejn l-imputat niżel ħalli jġorr il-laned għal ġewwa d-dar. Ir-raġel, moħħ il-pjan, kien qallu wkoll biex ma jurix lix-xufier tat-taxi f’liema bieb tad-dar kien dieħel u qallu biex jibqa’ miexi ftit lil hinn mid-dar tal-imputata.
Meta daħlu ġewwa x-xhud elabora kif il-mara kienet ħarġet xi ħwejjeġ, xalla u kalzetti minn ġo kexxun u tathom lill-imputat biex jgħatti wiċċu u ġismu bihom. Hawn hija spjegatlu li kellu jmur jaħraq karozza. Ix-xhud kien semagħha tgħid speċifikatament il-kliem: “aħraqha sewwa ħalli tkun maħruqa sew” u spjegatlu x’kellu jagħmel eżatt. It-terza persuna speċifika mal-Qorti li dak il-ħin huwa ma kienx jaf għal x’hiex kienet qiegħda tirreferi.
Dan qal li min-naħa tiegħu kien staqsa lill-imputat fejn kien sejjer bil-petrol li kien xtara u qallu biex ma jindaħalx iżda nsista li jmur miegħu peress li kien huwa li xtara l-petrol. Kif ħarġu mid-dar tal-imputata, ir-raġel kien qal lil dan it-terza persuna biex jinża ż-żarbun ħalli ma jagħmlux ħsejjes fit-triq. Huma mxew triq twila sakemm waslu ħdejn karozza Mercedes, ta’ lewn griż ċar. Kien hawn li skont dan ix-xhud, l-imputat “beda jwaddbilha l-petrol fuq u isfel kif ukoll mal-art u mbagħad resaq lura mill-karozza, ħareġ lighter u qabbad in-nar lill-karozza”.
Il-“mission” lesta
Wara l-att iż-żewġt irġiel involuti ħarbu jiġru minn fuq il-post iżda qabdu toroq differenti u meta x-xhud kien wasal lura fid-dar tal-imputata, l-imputat kien għadu ma wasalx. Dan kien wasal wara ftit minuti. Ix-xhud irrakkonta kif meta daħlu fir-residenza tal-mara huwa sema’ lir-raġel kompliċi jgħidilha: ‘Isma’, il-mission lesta, kompluta”. Qal ukoll li għal dan il-kliem, l-imputata weġbitu li ma kinitx se tinsa l-pjaċir li kien għamlilha u tatu xi drogi. Ix-xhud żied li għalkemm dak il-ħin ma kienx jaf ta’ min kienet il-karozza li kienet inħarqet, wara li kien spiċċa l-ħabs fuq dan il-każ, sar jaf ta’ min hija għax kien iltaqa’ miegħu hemm.
Dettalji oħra li ħarġu kienu fost l-oħrajn li l-imputat libes kalzetti f’idejh qabel marru biex jaħarqu l-karozza u wara li kien irritorna d-dar tal-imputata, din talbitu biex jarmi l-ħwejjeġ li kien liebes fiż-żibel. Minflok, tatu ħwejjeġ ġodda. Barra minnhekk, wieħed mill-persuni l-oħra li kienu fid-dar ta’ din il-mara kien ħareġ il-borża taż-żibel bil-ħwejjeġ u ħadha fil-kantuniera tat-triq. Dak il-ħin ix-xhud stqarr li beda jibża’ ħafna li kien daħal f’xi inkwiet.
L-imputata pprovat twaqqa’ x-xhieda tal-kompliċi…
Min-naħa tagħha l-imputata insistiet li x-xhieda tal-kompliċi fid-delitt għandha titwarrab għax għalkemm dan ix-xhud intalab jinġieb biex jixhed in kontro-eżami, huwa baqa’ qatt ma ġiex rintraċċjat mill-Pulizija u għalhekk baqa’ ma xehedx fil-kontroeżami. Din it-talba ġiet miċħuda.
Il-Qorti fost l-oħrajn osservat li x-xhud kien xehed viva voce quddiem il-Qorti fil-presenza taż-żewġ imputati u dan wara li l-Qorti stess kienet iddeċidiet li ma tismax lix-xhud fis-seduta preċedenti. Fil-fatt, l-istess xhud kien xehed in kontro-eżami dakinhar stess tal-eżami tiegħu fejn wieġeb għal diversi domandi li sarulu. Ġie speċiikat li, “fil-fatt, it-talba biex ix-xhud jinġieb biex iwieġeb għal domandi ulterjuri in kontro-eżami ma saritx ħlief fis-26 ta’ Jannar 2023, kważi sentejn wara li xehed l-imsemmi xhud u iktar minn sena wara li l-kawża ġiet differita biex id-difiża tibda tressaq il-provi tagħha fil-25 ta’ Novembru 2021”.
Fil-kumpless ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti ma qablitx li l-fatt li x-xhud kompliċi ma nstabx biex jixhed ulterjorment in kontro-eżami, jista’ jinċidi b’mod negattiv fuq il-kredibbilità tax-xhieda tiegħu jew xort’oħra jimmina l-valur probatorju li altrimenti jistħoqqilha x-xhieda tiegħu in eżami u in kontro-eżami, wara li din titwieżen mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 637 tal-Kodiċi Kriminali u fl-isfond tal-ġabra tal-provi u evidenza proċesswali.
Stabbilit dan, il-Qorti osservat ukoll li x-xhieda ta’ dan it-terzi in kwantu l-movimenti tiegħu bejn ir-residenza tal-imputata u l-pompa tal-petrol u lura, ġiet ikkorroborata pjenament mix-xufier tat-taxi.
Filmati bħala prova oħra b’saħħitha
Barra x-xhieda tal-kompiċi u xhieda oħra fosthom Pulizijaa, fil-Qorti ġew prodotti u kkompilati wkoll filmati elevati mill-espert maħtur fl-inkjesta minn diversi CCTV cameras kif ukoll timeline. Il-filmati meħudin minn dawn il-cameras ikkostitwixxew fil-Qorti prova oħra b’saħħitha li l-imputati aġixxew bil-mod li xehed dwaru l-kompliċi.
Fix-xhieda ta’ Pulizija kien hemm ukoll l-identifikazzjoni tal-imputata u dan mill-figura tagħha u anke minn wiċċha li deher ċar fil-fimat fejn dehret dieħla fir-residenza tagħha flimkien mal-imputat. Fil-filmat dehru l-imputat u x-xhud joħorġu bil-landa f’idejhom biex jaħarqu l-vettura. Din l-identifikazzjoni mill-Pulizija l-Qorti qisitha ammissibbli u ngħatat valur probatorju.
Min-naħa tagħha l-Qorti qalet li, “miżmum ferm dan kollu, huwa evidenti li l-fatti li xehed dwarhom il-kompliċi b’rabta mal-movimenti tiegħu u tal-imputat fil-lejl tal-1 ta’ Novembru 2019, huma lkoll ikkorroborati mir-riżultanzi tal-filmati li nħarġu mid-diversi CCTV cameras mill-espert maħtur fl-inkjesta dwar l-ingenere u dan sal-inqas irqaqat”. Barra minnhekk, sostniet li fiż-żewġ okkażjonijiet meta xehed il-kompliċi, dan qal l-istess minkejja li għadda ż-żmien bejn xhieda u oħra u “fl-ebda waqt ma kkontradixxa ruħu f’xi dettall materjali, lanqas meta xehed in kontro-eżami”.
Il-Qorti żiedet li l-verżjoni tax-xhud ma ġietx kuntrastata b’xi provi kuntrarji u hija pjenament konsistenti mal-verżjoni li kkonferma bil-ġurament quddiem il-Maġistrat Inkwirenti iktar minn sena qabel. Ma qablitx lanqas li meta x-xhud kixef lill-imputati dwar sehemhom fid-delitt ta’ ħruq doluż, dan kien qiegħed jaġixxi minħabba motivi ulterjuri u speċifikatament, biex jingħoġob mal-Prosekuzzjoni jew jikseb xi vantaġġ għalih.
Filfatt, huwa wara li kien ġie arrestat u rrilaxxa l-verżjoni tiegħu lill-Pulizija fil-15 ta’ Jannar 2020, konfermat bil-ġurament fis-16 ta’ Jannar 2020, li spiċċa kkundannat tliet snin priġunerija għar-rwol tiegħu f’dan id-delitt. Iktar minn hekk, meta kixef lill-imputati, il-kompliċi ma kienx jaf li dawn kienu diġà qegħdin jitqiesu bħala persuni suspettati mill-Pulizija. Kien għalhekk li l-Qorti emmnet lix-xhud u qisiet ix-xhieda tiegħu bħala kredibbli u kkonsidrata bħala prova sħiħa u kompjuta minn kollox.
Ħruq doluż li wassal għal periklu lil residenti
Quddiem ix-xhieda u l-provi miġjuba quddiemha, il-Qorti qalet li hija moralment konvinta li l-imputat kien l-awtur tad-delitt ossia l-aġent li ta n-nar lill-vettura ‘ISSUFU’, filwaqt li l-imputata aġixxiet bħala kompliċi. Sostniet li t-tiġrif assolut tal-vettura inkwistjoni, li jirriżulta li kienet fil-mira tal-imputati, tidher fir-ritratti formanti parti mir-relazzjoni tal-espert u r-rapport tal-espert tax-xena tad-delitt.
Irriżulta wkoll li b’konsegwenza tal-ħruq doluż tal-vettura inkwistjoni, inħarqet ukoll vettura oħra, liema vettura kienet ipparkjata preċiżament quddiem il-vettura tas-sid fil-mira ta’ dan l-att. Din il-vettura ġarrbet ħsarat estensivi fuq in-naħa ta’ quddiem u kellha tiġi scrapped. Iżda, iktar minn hekk, il-ħruq tal-vettura fil-mira tad-delitt ikkaġuna ħsarat ta’ nar f’bieb ta’ garaxx u fl-intern tiegħu kif ukoll fil-faċċata tal-blokka ta’ appartament li kienu pparkjati quddiemha ż-żewġ vetturi msemmija.
Fil-fehma tal-Qorti, il-ħruq imwettaq mill-imputat bil-kompliċità tal-imputata jinkwadra sfiq bħala r-reat ipotetizzat fl-Artikolu 317(a) tal-Kap. 9 għax jirriżulta li volontarjament ingħata n-nar lill-vettura inkwistjoni meta ġewwa ma jkun hemm ebda persuna fil-waqt tal-ħruq u fil-paragrafu (i) tal-istess Artikolu 317(a), għax l-aġent tar-reat seta’ jobsor li filwaqt tal-ħruq kien hemm xi persuna ġewwa l-bini li ħa n-nar mill-ħruq.
Ħsara b’eluf ta’ ewro
… L-imputati jeħlu l-ispejjeż kollha
Il-Qorti qalet li b’riżultat ta’ dan il-ħruq doluż, il-vettura inħarqet u ġġarrfet għal kollox u l-valur tal-vettura ġie kwantifikat mill-espert maħtur fl-inkjesta fis-somma ta’ €15,000. Inħarqu wkoll il-kompressur u insect screen ta’ proprjetà ta’ residenti tal-blokka, liema oġġetti ġew stmati li jiswew €1,275 biex jinxtraw ġodda.
It-tieni vettura ġarrbet ħsarat estensivi fuq in-naħa ta’ quddiem u kellha titneħħa. Madanakollu, ma jirriżultax x’valur ingħata lill-fdalijiet tal-vettura u jekk is-sid irċeviex dan il-valur. Għalhekk, minħabba dan id-dubju, il-Qorti qieset li mill-valur totali likwidat mill-espert fis-somma ta’ €3,500, il-valur tal-ħsara attwalment sofferta mis-sid minħabba l-ħruq tal-vettura, għandu jiġi likwidat fis-somma ta’ €3,000. Barra minnhekk l-istess sid tat-tieni vettura rriżulta li jrid iħallas ukoll spejjeż f’valur ta’ €1,100 biex isir xogħol ta’ żebgħa fil-garaxx tiegħu minħabba d-dħaħen li daħlu fih, kif ukoll is-somma ta’ €188.80 li hija stima għat-tiswija tal-bieb tal-istess garaxx tiegħu. B’kollox is-somma ta’ ħsarat sofferti telgħet għal €4,788.80.
L-imputati b’fedini penali voluminużi
Għall-fini tal-piena l-Qorti kkonsidrat il-fedina penali ferm voluminża u oneruża tal-imputata li nstabet ħatja diversi drabi tad-delitt tat-tlajjar għal skopijiet ta’ prostitizzjoni u pussess anke aggravat ta’ droga. Irriżulta wkoll li din ma baqgħetx issegwi l-ordnijiet mogħtija lilha mill-Uffiċjal tal-Probation li ġiet maħtura taħt l-Ordni Provviżorji ta’ Superviżjoni.
Rigward l-imputat, il-fedina penali tiegħu wkoll hija ferm oneruża u ġie kkundannat għal diversi delitti inkluż serq, offiżi volontarji fuq il-persuna u pussess illegali ta’ mediċina psikotropika. Fil-Qorti ma nġiebet ebda prova li huwa rriforma ruħu. Għall-kuntrarju, huwa wera li mhuwiex persuna affidabbli għax meta ngħata l-ħelsien mill-arrest mill-Qorti, ma onorax il-kundizzjonijiet imposti fuqu tant li kien ġie revokat il-ħelsien mill-arrest mogħti lilu matul dawn il-proċeduri minħabba ksur ripetut ta’ xi waħda jew iktar tal-kundizzjonijiet imposti. Fuq kollox irriżulta li l-imputat għandu dipendenza akuta fuq id-droga u ma jirriżultax li huwa qiegħed jindirizza b’mod attiv il-vizzju tal-abbuż mid-droga jew li wera biżżejjed impenn għar-rijabilitazzjoni tiegħu.
Ħames snin ħabs effettivi kull wieħed
Għal dawn ir-raġunijiet kollha l-Qorti sabet lill-imputata ħatja tat-tieni akkuża u kkundannatha għal ħames snin priġunerija effettiva. Kwantu għall-imputat din ukoll sabitu ħati u kundannatu wkoll għal ħames snin priġunerija effettiva. Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 15A tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, din il-Qorti sabithom ħatja u ordnat li jħallsu l-ħsarat li kkawżaw fid-delitt. Lis-sid tal-karozza maħruqa s-somma ta’ €15,000; lis-sid tat-tieni karozza u l-garaxx is-somma komplessiva ta’ €4,788.80; u lir-residenti tal-blokka li sofrew ħsarat il-Qorti ordnat il-ħlas tas-somma ta’ €1,275. Il-ħlas kollu għandu jsir sa mhux iktar tard minn sitt xhur.
Barra minnhekk, il-Qorti ordnat il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trażżin fil-konfront tal-imputati għall-protezzjoni tas-sigurtà tas-sid tal-karozza li ħarqu apposta għal żmien tliet snin, liema żmien jibda jiddekorri mid-data li tiġi skontata l-piena ta’ priġunerija. Ordnat ukoll il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trattament fil-konfront tal-imputati għal żmien tliet snin biex jingħataw it-trattament meħtieġ biex jegħlbu l-vizzju tad-droga.