Aktar minn 10,000 siegħa ta’ operazzjonijiet fuq il-baħar ġew imwettqa mill-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) matul l-2025, b’mijiet ta’ patrols, spezzjonijiet, operazzjonijiet ta’ infurzar tal-liġi, assistenza lill-bastimenti u interventi relatati mal-immigrazzjoni irregolari. Dawn iċ-ċifri jkomplu jenfasizzaw ir-rwol kruċjali tal-Iskwadra Marittima fil-ħarsien tas-sigurtà nazzjonali u tal-fruntieri marittimi ta’ pajjiżna.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt żjara li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield għamel fil-bażi tal-Iskwadra Marittima f’Hay Wharf, il-Furjana, fejn iltaqa’ mal-uffiċjali u l-membri tas-servizz u ngħata tagħrif dwar l-organizzazzjoni, il-kapaċitajiet u l-operat tal-Iskwadra.
Matul iż-żjara, il-Ministru żar il-bastiment tal-għassa P61, fejn ġie infurmat dwar il-kapaċitajiet operattivi tiegħu u r-rwol ewlieni li jaqdi fis-sorveljanza tal-ibħra Maltin, fl-operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ, kif ukoll fil-ħarsien tas-sigurtà marittima tal-pajjiż. Huwa żar ukoll il-workshops tekniċi tal-Iskwadra Marittima, fejn iltaqa’ mal-ħaddiema responsabbli mill-manutenzjoni u l-appoġġ tekniku tal-flotta, xogħol essenzjali biex il-bastimenti jibqgħu f’kundizzjoni operattiva u lesti għal kull missjoni.
Il-Ministru ngħata wkoll ħarsa ġenerali lejn ir-responsabbiltajiet tal-Iskwadra Marittima, li jinkludu l-ħarsien tal-integrità tal-ibħra territorjali ta’ Malta, operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ, il-ġlieda kontra l-kuntrabandu, it-traffikar illegali u attivitajiet oħra illegali fuq il-baħar, kif ukoll l-appoġġ lill-Korp tal-Pulizija u entitajiet oħra fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom.
Fl-indirizz tiegħu lill-membri tal-Iskwadra Marittima, il-Ministru Bedingfield irringrazzjahom tad-dedikazzjoni u l-professjonalità li juru kuljum fil-qadi ta’ dmirijiethom.
“Il-ħidma tal-Iskwadra Marittima hija kruċjali biex inkomplu nħarsu s-sigurtà nazzjonali u l-fruntieri marittimi ta’ pajjiżna. Kemm jekk qed twettqu pattulji, issalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar, tiġġieldu l-attivitajiet illegali jew tappoġġjaw lill-awtoritajiet l-oħra, qed tagħmlu dan b’impenn, b’dixxiplina u bi professjonalità kbira. Il-Gvern se jkompli jinvesti fil-Forzi Armati ta’ Malta biex ikollkom ir-riżorsi, it-taħriġ u l-mezzi meħtieġa sabiex tkomplu twettqu dan ix-xogħol essenzjali b’mod effettiv,” sostna l-Ministru Bedingfield.


