Sunday, December 22, 2024

Aktar minn 14,500 ċitazzjoni għal e-scooters fl-aħħar 12-il xahar

… Il-Ministru Bonnett jikkonferma projbizzjoni fuq il-kiri tagħhom minn Marzu

Aqra wkoll

Matul l-aħħar 12-il xahar f’Malta nħarġu mal-14,648 ċitazzjoni b’rabta ma’ irregolaritajiet ta’ e-scooters minn uffiċjali tal-LESA u dawk ta’ Transport Malta. L-iktar tliet lokalitajiet li fihom inħarġu ċitazzjonijiet kienu f’Tas-Sliema, San Ġiljan u San Pawl il Baħar filwaqt li l-inqas tliet lokalitajiet li fihom inħarġu ċitazzjonijiet kienu l-Kalkara, il-Gudja u ż-Żejtun.

Din l-informazzjoni ħarġet mit-tweġiba parlamentari tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri meta mistoqsi mid-Deputata Nazzjonalista Rebekkah Borg rigward tali ċifri.

F’tabella bil-figuri indikati xahar b’xahar ippreżentata mill-Ministru Camilleri rriżulta li b’kollox bejn Jannar 2023 u Jannar 2024 inħarġu 3,993 ċitazzjoni f’Tas-Sliema, 3,235 ċitazzjoni f’San Ġiljan u 1,026 ċitazzjoni f’San Pawl il-Baħar. Minn naħa l-oħra nħarġu biss ċitazzjoni waħda fil-Kalkara u oħra fil-Gudja filwaqt li nħarġu tnejn fiż-Żejtun.

L-istess ċifri juru li l-iktar xhur li fihom inħarġu ċitazzjonijiet fuq skala nazzjonali kienu f’Ġunju, f’Lulju u f’Awwissu fejn it-total ta’ ċitazzjonijiet fil-lokalitajiet kollha kienu jammontaw għal 2,422 ċitazzjoni, 2,938 ċitazzjoni u 1,810 ċitazzjoni rispettivament.

Intant f’mistoqsija separata li saret mid-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg rigward jekk il-gvern huwiex se jkompli fuq il-passi tal-Ministru għat-Trasport preċedenti rigward il-kiri tal-e-scooters, il-Ministru Chris Bonnett ikkonferma li l-kiri tal-e-kick scooters mhux se jibqa’ permissibbli wara l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena.

L-eks Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia f’Ottubru li għadda kien ħabbar kif fl-ewwel ta’ Marzu ta’ din is-sena se tidħol fis-seħħ il-projbizzjoni fuq il-kiri ta’ e-kick scooters.

Farrugia kien qal li l-għan huwa li l-użu tal-e-kick scooters isir b’mod iktar responsabbli u b’inqas inkonvenjent għall-komunitajiet u n-nies, li minkejja ż-żieda fl-infurzar u l-multi, baqgħu isofru min inkonvenjent ikkawżat minn e-kick scooters tal-kiri. 

Ekonomija

Sport