Allegatament jispara fuq qatgħa ta’ Agretti Sofor protetti fil-kosta taż-Żonqor…

L-EPU jaqbdu lis-suspettati

Aqra wkoll

Kaċċatur ġie ffilmjat allegatament jispara fuq qatgħa ta’ Agretti Sofor protetti tul il-kosta taż-Żonqor ilbieraħ filgħodu, u qatel tliet għasafar. L-inċident ġie osservat u dokumentat minn tim ta’ BirdLife Malta, li minnufih informa lill-Pulizija. Tim tal-Environmental Protection Unit (EPU) wieġeb għas-sejħa u qabad żewġ individwi hekk kif kienu qed jippruvaw jirkupraw l-għasafar maqtula.

Fi stqarrija BirdLife Malta qalet li minnufih ikkuntattjat lill-Pulizija fuq 119 u talbet l-assistenza tal-EPU. Waqt li t-tim kien għadu f’kuntatt mal-kamra tal-kontroll tal-Pulizija, il-kaċċatur allegatament spara żewġ tiri lejn l-Agretti. 

Żewġ Agretti Sofor inqatlu u waqgħu fil-baħar, filwaqt li t-tielet Agrett indarab u daħal max-xatt. It-tieni individwu sussegwentement fittex l-għasfur ferut u gerxu, u wara l-kaċċatur ġie osservat jispara għal darb’oħra lejh. L-Agrett miet aktar tard minħabba l-ġrieħi li ġarrab.

Unit tal-EPU wasal fuq il-post waqt li ż-żewġ individwi kienu qed jippruvaw jiġbru l-għasafar. Dgħajsa tal-EPU li assistiet fl-operazzjoni rkuprat iż-żewġ Agretti Sofor mejta mill-baħar, filwaqt li t-tielet għasfur ġie rkuprat ukoll bħala evidenza. Huwa mifhum li ż-żewġ individwi ser jiffaċċjaw proċeduri b’rabta ma’ dan l-inċident.

BirdLife Malta tfaħħar l-intervent f’waqtu tal-uffiċjali tal-EPU fuq l-art u fuq il-baħar, li wassal biex is-suspettati jinqabdu waqt li kienu għadhom fuq il-post.

L-inċident għal darb’oħra juri kif xi individwi jisfruttaw l-istaġun tal-kaċċa għall-fenek li bħalissa huwa miftuħ biex jisparaw lejn speċi protetti li mhumiex legalment kaċċabbli, u jaġixxu apposta u b’impunità fid-dawl tax-xemx tul medda ta’ kosta popolari.

“Dak li rajna lbieraħ kien inċident serju ħafna ta’ kaċċa illegali. Qatgħa ta’ gasafar protetti jistrieħu fuq il-kosta huma perċepiti bħala xi ħaġa kaċċabli minn kaċċatur żagħżugħ li, taħt il-kopertura ta’ liċenzja għall-kaċċa tal-fenek, joqtol bl-intenzjoni li jiġbor dawn l-għasafar biex jibbalzmahom. Dan kollu fid-dawl tax-xemx, mingħajr biża’ li jinqabad jew mill-pieni,” qal Nicholas Barbara, Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta.

“Infaħħru lill-uffiċjali tal-EPU talli wieġbu għas-sejħa u qabdu lill-individwi involuti. Dan huwa eżattament kif għandu jkun infurzar effettiv. Madankollu, huwa ċar li hemm bżonn ta’ infurzar aktar b’saħħtu u pieni sinjifikanti sabiex ikunu ta’ deterrent għal inċidenti bħal dawn, aktar milli sempliċement nirrapportawhom wara li l-għasafar ikunu nqatlu.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport