Dalgħodu mill-ġdid fi Pjazza San Ġorġ fir-Rabat Għawdex reġa’ kien hemm kommossjoni sħiħa hekk kif persuna kellha bżonn l-għajnuna medika urġenti u għalhekk issejjaħ tim mediku.
Persuni li kienu fuq il-post u li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna “ħsibna li l-persuna kienet qiegħda tmut… Fi ftit minuti waslet l-ambulanza iżda hekk kif ipprovat tgħaddi mis-suq ma setgħetx minħabba l-affarijiet li kien hemm barra tal-ħwienet… aktar minn hekk Pjazza San Ġorġ lanqas setgħet tidħol minħabba l-imwejjed…”
L-unika soluzzjoni għat-tim mediku kien li jħallu l-ambulanza fi Pjazza Indipendenza u “jiġru” lejn Pjazza San Ġorġ.
“Tal-mistħija… ma nixbax ngħid li tal-mistħija kif pazjenta kellha tinħareġ fuq l-istretcher jgħadduha minn qalb l-imwejjed u minn qalb dak kollu li kien hemm armat fis-suq… Kulħadd iħares lejn il-pazjenta sakemm twasslet qrib l-ambulanza…” qaltilna persuna li dak il-ħin kienet fuq il-post.
