Raġel imressaq il-qorti fuq allegat stupru, sekwestru ta’ persuna u traffikar ta’ droga

Aqra wkoll

Valentin Krastev, ta’ 42 sena, tressaq taħt arrest wara li ġie akkużat b’sensiela ta’ reati serji li jinkludu vjolenza sesswali, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha, kif ukoll pussess ta’ taħlita ta’ droga.

Valentin Krastev tressaq taħt arrest nhar it-Tlieta, fuq akkużi li seħħew bejn il-15 u s-17 ta’ Settembru 2026 fl-appartament tiegħu il-Mellieħa. Huwa qiegħed jaffaċja pataflun ta’ akkużi, minnhom jinkludu stupru, li żamm jew issekwestra persuna kontra l-volontà tagħha, li uża vjolenza, inkluż vjolenza morali u, jew psikoloġika, u, jew sfurzar, li kkawża biża’ li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha, kif ukoll li ta fastidju sesswali.

Minbarra r-reati tal-vjolenza, il-prosekuzzjoni akkużat lil Krastev li matul ix-xahar ta’ Settembru 2026 u xhur ta’ qabel kien involut f’ċirku ta’ provvista ta’ droga.

Huwa nstab f’pussess ta’ kokaina, kannabis u ecstasy f’ċirkostanzi li juru li d-droga ma kinitx għall-użu personali tiegħu. Krastev akkużat wkoll li pprovda, qassam jew offra li jqassam tali droga, kif ukoll sustanzi psikotropiċi oħra mingħajr awtorizzazzjoni jew liċenzja legali.

Id-diviża kkontestat il-validità tal-arrest fuq punt wieħed, fejn staqsew jekk kienx hemm il-mandat tal-arrest. Il-prosekuzzjoni eżebixxu l-mandat quddiem il-qorti.

Krastev stqarr li mhux ħati.

L-avukat difensur talab għall-ħelsien mill-arrest, fejn il-prosekuzzjoni oġġezzjonat abbażi tal-akkużi serji u minħabba tal-ammont ta’ evidenza prima facie. Hi sostniet li hemm ukoll il-biża’ tal-intralċ tal-provi, kif ukoll biża’ li jaħrab mill-pajjiż.

Id-diviża straħet fuq il-fatt li l-inkjesta maġisterjali qiegħda hemm biex kull tip ta’ prova tkun preservata ġewwa l-inkjesta. Madanakollu, l-avukat stqarr li allavolja ma jkollokx impjieg, mhuwiex lok biex ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest.

Il-qorti se tiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest in camera.

L-avukat mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali Cynthia Tomasuolo flimkien mal-Ispetturi Marshall Mallia u Diane Agius mexxew il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukat Lennox Vella deher għal Krastev.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport