“Anke wara li mietet, ried joqtolha”: Theuma jirrakkonta x’qal Fenech dwar Daphne wara l-assassinju

Aqra wkoll

Fit-34 jum tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech, Melvin Theuma kompla għal sigħat jixhed u jispjega recordings sigrieti li għamel tal-akkużat. Il-ġurati semgħu referenzi għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, allegati leaks mill-Pulizija, Keith Schembri, Silvio Valletta, il-bail tal-aħwa Degiorgio u l-biża’ ta’ Theuma li kien se jiġi eliminat

“Anke wara li mietet, kien għadu jrid joqtolha.”
Hekk xehed Melvin Theuma hekk kif il-ġurati semgħu recording li fih Yorgen Fenech jinstema’ jagħmel kumment vjolenti dwar Daphne Caruana Galizia wara l-assassinju tagħha.


Skont Theuma, Fenech kien qallu: “Bħal dik inwaddabha minn hawn għal isfel jien.” F’recording ieħor li ndaqq aktar tard, Fenech jinstema’ jgħid li hu “mhux malizzjuż” u “mhux bħalha”, qabel ma jerġa’ jagħmel kumment simili dwar Daphne u jgħid li kien jitfagħha għal mewtha b’idejh u ma jiddispjaċihx.


Theuma qal lill-ġurati li din il-konversazzjoni kienet seħħet fl-uffiċċji ta’ Fenech f’Level 21, Portomaso.
Dawn kienu fost l-aktar mumenti qawwija f’ġurnata twila ta’ xhieda, li matulha l-Qorti semgħet sensiela ta’ recordings sigrieti u Theuma kompla jispjega l-kuntest tagħhom.


Theuma jgħid li kien jaf minn qabel bl-arrest
Aktar kmieni, Theuma qal li jumejn qabel l-arrest tiegħu kien diġà sar jaf li l-Pulizija kienet se taġixxi kontrih.
Skont ix-xhud, Fenech kien qallu li, “jekk Alla jrid”, kollox kien se jitneħħa u l-file tal-Pulizija jingħalaq.


Theuma xehed ukoll li Johann Cremona kien wegħdu informazzjoni minn qabel dwar l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus. Qal li Cremona kien qallu li seta’ jgħaddilu l-mistoqsijiet li l-Pulizija kienet se tagħmillu u li, jekk ma togħġbux xi waħda minnhom, din setgħet titneħħa.
Madankollu, Theuma kkonferma li din il-lista ta’ mistoqsijiet qatt ma waslet.


Qal ukoll li kien ġie mwiegħed lista tal-proprjetajiet li l-Pulizija kienet se tagħmel tfittxija fihom, iżda lanqas din ma waslet.


Silvio Valletta u allegata informazzjoni mill-Pulizija
Theuma kompla jixhed dwar l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta, li huwa sostna li kien sors ta’ informazzjoni għal Fenech dwar l-investigazzjoni.
Huwa rrakkonta episodju li, skontu, seħħ ftit ġimgħat wara l-qtil, meta Fenech talbu jwassallu żewġ ħobżiet fir-ranch tiegħu fiż-Żebbuġ.


Meta wasal, Theuma qal li lemaħ lil Valletta ġewwa l-proprjetà.
Aktar tard, sostna, Fenech qallu li Valletta kien rah u kien qal li Theuma “ma kienx wiċċ ġdid għall-Pulizija.”
Theuma qal li dan irrabjah, u sostna li kien jaf b’każ wieħed biss li qatt kellu mal-Pulizija.


Fir-recordings li ndaqqu aktar tard, issemmew ukoll Valletta u s-Secret Service. Theuma spjega li f’okkażjoni minnhom kien inkwetat dwar mutur li lemaħ ħdejn daru u ħaseb li seta’ kien tas-CID. Skontu, Fenech kien qallu biex ma jgħaddix minn Ħaż-Żebbuġ u minflok jgħaddi mill-wied.


Theuma, madankollu, għamel distinzjoni dwar referenzi oħra għall-Kummissarju tal-Pulizija. Huwa insista li l-ewwel darba li qatt tkellem direttament mal-Kummissarju kienet wara l-arrest tiegħu, u qal li kien isemmi lill-Kummissarju biex jagħti l-impressjoni li anke hu kellu sors f’livell għoli fil-Korp.


“Ir-recordings salvawni”
Parti kbira tas-seduta kienet iddedikata għar-recordings sigrieti li Theuma għamel ta’ Fenech.
Ix-xhud qal li l-ewwel darba li rrekordjah, ħeba l-mobile fil-kalzetta.


Theuma ilu jgħid li beda jagħmel dawn ir-recordings għax kien konvint li ħajtu kienet fil-periklu u li Fenech seta’ ried jeliminah.


F’waħda mill-konversazzjonijiet, Fenech jinstema’ jgħid li kien “iddiżappuntat” meta sar jaf li Theuma kien qed jirrekordjah.


Ir-recording juri tensjoni bejn it-tnejn, b’Fenech jgħid li kellu raġuni għaliex jinkwieta għax Theuma kien qal lil persuna oħra kollox “minn A sa Z”.


Theuma spjega lill-Prosekuzzjoni li Fenech kien qed jirreferi għall-fatt li hu kien qasam dak li kien qallu.
Fuq tape, Theuma jinstema’ jassigurah li qatt ma qal lill-aħwa Degiorgio li Fenech kien il-“mandant”.
“Mela kif jafu bil-potato shed u l-Busy Bee?”
F’recording ieħor, Fenech jinstema’ jistaqsi kif il-Pulizija kienet taf b’dettalji speċifiċi dwar il-laqgħat marbuta mal-pjan tal-qtil.


“Mela kif jafu bil-potato shed? Kif jafu li ltqajtu fil-Busy Bee?” jinstema’ jistaqsi.
Theuma qal lill-ġurati li r-referenza kienet għall-informazzjoni li Vince Muscat, il-Koħħu, kien qed jgħaddi lill-investigaturi.


F’recording ieħor, Fenech jinstema’ jgħid lil Theuma biex iwissi lill-aħwa Degiorgio dwar id-dettalji li Vince Muscat kien qed jgħid lill-Pulizija.
Theuma ċċara wkoll referenza għall-“bqija tal-flus”, u qal li apparti d-depożitu ta’ €30,000, kien qed jirreferi għall-€150,000 li, skont ix-xhieda tiegħu, kienu destinati għall-aħwa Degiorgio.


Bail, pagamenti u pressjoni mill-aħwa Degiorgio
Il-kwistjoni tal-allegat bail għall-aħwa Degiorgio reġgħet kienet tema ċentrali.
Theuma qal li kien hemm diskussjoni bejnu, Fenech u Johann Cremona f’Level 21 dwar jekk għandhomx jibqgħu jagħtu lill-aħwa Degiorgio €2,000 jew €3,000 fil-ġimgħa sal-ġuri tagħhom.


F’recording ieħor, Theuma jinstema’ jgħid: “Dawn taf x’iridu? Bail!”
Huwa spjega li Mario Degiorgio kien kontinwament isemmilu l-bail u jgħidlu li ma kinux jifilħu jibqgħu fil-ħabs.


Fuq tape, Theuma jgħid li jekk jasal it-22 tax-xahar u jingħataw il-bail, kien ikun lest jaqtagħhom jekk jerġgħu jitolbu l-flus.
Il-bail allegatament imwiegħed għal dik id-data qatt ma seħħ.


Theuma qal ukoll li f’recording minnhom kien qed jirreferi għal Kenneth Camilleri u allegata wegħda dwar bail, meta jinstema’ jgħid: “Keith bagħtu” u jagħmel referenza għal €1 miljun.
“Ħsibt li kien se jabbanduna lili wkoll”


Theuma reġa’ nqasam emozzjonalment meta tkellem dwar il-pressjoni li kien qed iħoss.
Huwa qal li Fenech kien qed jgħidlu biex jaqta’ kull rabta mal-aħwa Degiorgio.
Skont Theuma, kien faċli għal Fenech jgħid hekk għax hu qatt ma kien iltaqa’ magħhom direttament, filwaqt li Theuma kien jafhom u kien ilu jżomm il-kuntatt magħhom.
“Dak il-ħin ħsibt li kien se jabbanduna lili wkoll,” qal, waqt li deher emozzjonat fuq il-pedana.
Aktar kmieni, Theuma kien qal li l-bail, ir-rimors u l-flus li kienu għaddejjin bejnu u Fenech kienu qed iġibuh fi stat ta’ pressjoni kbira.
“Kemm jiflaħ jieħu moħħ ta’ bniedem?” staqsa.
Theuma: Fenech kien “maqbud bejn erba’ ħitan”
Wara nofsinhar, Theuma qal li kien apposta jerġa’ jqajjem il-kwistjoni tal-bail biex jipprova jġiegħel lil Fenech ikompli jitkellem fir-recordings.
F’waħda mill-konversazzjonijiet, Fenech jinstema’ jgħid:
“X’nagħmel? Immur għand l-Imħallef u ngħidlu li qtiltha jien?”
Theuma qal ukoll li Fenech darba kien qallu li kien iħossu “maqbud bejn erba’ ħitan.”
Skont ix-xhud, Fenech kien qallu li kien mexxa l-ftehim tal-Electrogas perfettament iżda ma setax joħroġ mill-“problema tal-qtil”.
Keith Schembri jerġa’ jissemma ripetutament
Ir-recordings kienu mimlijin ukoll riferimenti għal Keith Schembri.
F’wieħed minnhom, Fenech jinstema’ jgħid li Schembri kien qallu: “Nidħol fin-nar għalik.”
Fenech jinstema’ wkoll jgħid li kien jafda lil Schembri aktar milli lil Silvio Valletta u li, meta semmielu l-qtil, Schembri “iffriża.”
Aktar tard, Theuma qal li Fenech kien qallu li Schembri kien qed jibki wara li l-investigazzjoni bdiet tagħlaq fuq l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.
F’recording ieħor, Fenech jinstema’ jgħid li kien staqsa lil Schembri jekk kienx għamel xi ħaġa ħażina.
Skont Fenech fir-recording, Schembri wieġbu: “Aħseb u ara! Imma kellek tgħidli qabel.”
Theuma qal lill-ġurati li hu fehem din il-frażi bħala referenza għal qabel l-assassinju.
Theuma, madankollu, baqa’ jinsisti fuq dak li kien qal fil-jum ta’ qabel: li hu ma jistax jgħid li Schembri ordna jew ħallas għall-qtil, u li għalih il-mandant kien Fenech.
Diskussjonijiet dwar il-Kabinett u l-maħfra ta’ Vince Muscat
Theuma spjega wkoll recording li qal li kien jirreferi għal-laqgħa tal-Kabinett li kellha tiddeċiedi dwar it-talba għal maħfra presidenzjali ta’ Vince Muscat.
Skont Theuma, Fenech kien jgħidlu li Keith Schembri kien qed jgħaddi informazzjoni dwar dawk id-diskussjonijiet lil Silvio Valletta.
Fir-recording issemmew ukoll Chris Cardona, Owen Bonnici, Joseph Muscat u Keith Arnaud.
Theuma qal li Joseph Muscat kien jiġi riferut għalih bħala “ix-Xiħ”.
F’konversazzjoni oħra, Theuma qal li Fenech kien qallu li l-assassinju ta’ Daphne “kissirhom politikament”, b’referenza għal Joseph Muscat u Keith Schembri.
Meta Cini staqsieh kif, Theuma qal li kien qed jirreferi għall-effett politiku tal-kitbiet u l-investigazzjonijiet ta’ Daphne.
Fir-recording Fenech jinstema’ jgħid: “Kissrithom.”
Fenech jinstema’ jitkellem dwar “tliet livelli”
Waħda mill-aktar partijiet notevoli tar-recordings kienet konversazzjoni fejn Fenech jinstema’ jitkellem dwar tliet livelli differenti.
Skont Theuma, l-ewwel livell kien riferiment għal Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vince Muscat, it-tieni għalih innifsu, u t-tielet għal Fenech.
Fenech jinstema’ jgħid li wieħed jieħu għaxra, ieħor sebgħa u ieħor ħamsa.
Theuma qal li fehem dawn bħala snin ħabs, u li skontu Fenech kien qed ipoġġi lill-eżekuturi fuq għaxar snin, lilu nnifsu fuq sebgħa u lil Theuma fuq ħamsa.
Allegazzjonijiet oħra waqt ix-xhieda
Theuma xehed ukoll dwar numru ta’ episodji oħra matul il-jum.
Qal li Fenech darba xtralu biljett biex imur miegħu Franza, iżda hu ddeċieda li ma jmurx għax ħaseb li kien se joqtlu.
F’episodju ieħor, sostna li Fenech tah biċċa laħam li beda jissuspetta li setgħet kienet ivvelenata, u qal lis-sieħba tiegħu tarmiha.
Qal ukoll li kien jaċċetta inbid mingħand Fenech meta jarah jinxtara quddiemu għax kien iħossu ċert li dak ma setax ikun ivvelenat.
Theuma, li f’ħin minnhom kellu jieqaf juża inhaler waqt ix-xhieda, allega wkoll li Fenech kien offra flus lill-PN biex David Casa ma jiġix elett minħabba dak li kien qed jikteb dwar 17 Black.
Huwa tkellem ukoll dwar Arthur Azzopardi, u sostna li Johann Cremona kien qal li kellhom jintbagħtu persuni biex jheddu lill-avukat b’rabta mal-maħfra ta’ Vince Muscat.
F’allegazzjoni oħra, Theuma qal li waqt żjara fil-ħabs l-avukat William Cuschieri mar il-kamra tal-banju apposta biex l-aħwa Degiorgio setgħu jkellmu lil Vince Muscat u jistaqsuh jekk kienx qed jikxifhom.
F’recording Yorgen jinstema’ jirreferi għal Adrian Delia u jgħid “lanqas Delia, joffendiha bil-familja ta qiegħed”
“Kif se ngħix bil-kuxjenza tiegħi?”
Lejn tmiem il-ġurnata, fir-recording Theuma jinstema’ jistaqsi kif seta’ jgħix bil-kuxjenza tiegħu wara dak kollu li kien ġara.
Meta l-Prosekutur Godwin Cini staqsieh għal xiex kien qed jirreferi, Theuma qal ċar li kien qed jitkellem dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
“Min għandu jerfa’ l-ħtija, għandu jerfagħha,” qal.
Il-jum intemm wara sigħat twal ta’ xhieda u recordings, b’Theuma jibqa’ fuq il-pedana bħala x-xhud ewlieni tal-Prosekuzzjoni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport