Tifel bla futur għax mhux rikonoxxut ….Ikollu jgħix waħdu sakemm ommu tmur għax-xogħol …

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għandu biss ftit aktar minn erba’ snin. Rajtu dieħel m’ommu. Mgħannaq magħha. Ġibed l-għajn mill-ewwel, deher imgerrex. Osservajtu mill-bogħod. Ipoġġi bilqiegħda ħdejn ommu. Deher anzjuż. Qisu maqtugħ għalih waħdu. Ma jiċċaqlaqx minn fuq is-siġġu. Iżomm idejh qrib xulxin. Iħares l-isfel. Jevita l-kuntatt bl-għajn. Ftit li xejn jinteressah x’qiegħed jiġri madwaru, għalkemm kultant bis-serqa jagħti titwila madwaru imma dlonk jerġa’ jbaxxi rasu. Staqsejt għaliex sakemm
l-omm tagħmel kuragg u tiftaħ qalbha.

Bid-dmugħ f’għajnejha titkellem dwar il-martirju li għaddejja minnu f’pajjiżna. It-tensjoni u l-ansjetà huma ħaġa kontinwa. Tiddikjara mill-ewwel li hi ġiet taħdem f’pajjiżna bħal ħafna ħaddiema oħrajn. Tieqaf u ma tkomplix titkellem. U tinfaqa’ tibki.
Kien hawn li semmiet lit-tifel, waqt li ppuntat subgħajha lejh. “It-tifel bla identità. Qisu ħadd u xejn” Minħabba n-natura tal-każ u minħabba s-sensittività tal-każ ma’niex nispeċifikaw id-dettalji.

Tieqaf mill-biki u tkompli: “qaluli biex nibgħat lit-tifel lura lejn pajjiżi. Kif nista’ nagħmel hekk? Fejn se nibagħtu? Għand min?” u hawn terġa’ tinfaqa’ tibki. Is-sala tal-GWU li kienet mimlija ħaddiema li resqu għall-għajnuna u jaqsmu tbatijiethom issa b’għajnejhom fuqha, spiċċaw issummati. Kważi l-problemi tagħhom jisfumaw quddiem din l-istorja. Skiet totali. Jistennew li tkompli. Tispjega il-qtiegħ il-qalb li għaddejja minnu. “It-tifel ma jistax imur l-iskola. It-tfal kollha fil-blokka fejn ngħixu, kollha jmorru l-iskola. Jien spiċċajt inħallih waħdu id-dar. Nagħmel hekk biex jien inmur għax-xogħol.”

L-omm tgħid li tibża’ toħroġ bih barra għax ma tafx x’jista’ jiġri minnu peress li m’għandux id-dokumenti neċessarji. U t-tifel għalkemm għandu ftit aktar minn erba’ snin diġa’ qiegħed jagħmel bosta mistoqsijiet li ma tistennihomx mill-età tiegħu. Ghalkem għadu żgħir diġa’ jħossu differenti, riġettat. Il-biża’ tal-omm hija li t-tifel jinqabad u jiġi deportat. Spjegat kemm-il tentattiv għamlet biex din s-sitwazzjoni tiġi regolarizzata…. s’issa bla suċċess. Possibbli ħadd ma tmissu l-kuxjenza u jagħti dritt ta’ futur lil dan it-tifel innocenti?

Din kienet waħda mill-esperjenzi li ħarġu minn laqgħa li saret għal ħaddiema minn pajjiżi terzi li jinsabu maqbudin fil-proċess ta’ appelli f’pajjiżna li ġiet orgnaizzata mill-GWU u li għaliha minbarra għexieren ta’ ħaddiema kien hemm ukoll il-preżenza tal-GWU permezz tal-President Jason Deguara u s-Segretarju tat-Taqsima Ospitalitża u Ikel Brian Bonnici flimkien ma’ Manav Kumar li qed jaħdem fi ħdan il-GWU għal kawża tat-TCN’s.

Quddiem din s-sitwazzjonijiet u oħrajn li smajna bihom tasal għall-konkluzjoni li żgur jeħtieġ li ssir xi ħaġa b’mod immedjat biex sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu ndirizzati fl-iqsar żmien possibbli għaliex dawn huma sitwazzjonijiet li qed jaffetwaw umani bħalna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport