Membri tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta ġew imsejħa għall-ewwel rispons operattiv tagħhom fil-Portugall, fejn qegħdin jagħtu l-assistenza tagħhom lill-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, l’hekk imsejjħa Força Especial de Proteção Civil, minħabba n-nirien kbar fir-reġjun ta’ Guarda.
Il-kontinġent Malti ngħaqad ma’ operazzjoni sinifikanti tat-tifi tan-nar li involviet madwar 320 pumpiera, 85 vettura u 11-il ajruplan tat-tifi tan-nar, li ħadmu flimkien biex jikkontrollaw in-nirien u jipproteġu l-komunitajiet affettwati u ż-żoni tal-madwar.
Il-kontinġent Malti bħalissa jinsab stazzjonat fil-Portugall bħala parti mill-programm dwar in-nirien selvaġġi tal-Protezzjoni Ċivili u l-Għajnuna Umanitarja tal-UE, ikkoordinat permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (DG ECHO) tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-programm iqiegħed timijiet tat-tifi tan-nar minn pajjiżi Ewropej differenti f’żoni ta’ riskju għolijin matul l-istaġun tan-nirien.


