F’dan ix-xahar il-gwerra fl-Ukrajna se tkun qiegħda tagħlaq erba’ snin u nofs. Erba’ snin u nofs li fihom rajna attakki qawwijin miż-żewġ naħat. Attakki li ħallew għadd ta’ ċivili bla ħajja. Ta’ kuljum nisimgħu b’attakki minn naħa u minn oħra. Dan waqt li l-Unjoni Ewropea qiegħda tibqa’ toħroġ flejjes kbar f’għajnuniet. Dan biex l-Ukrajna tibqa’ tirreżisti.
Minkejja kull tentattivi ta’ diskussjonijiet u anke minkejja d-dikjarazzjoni li kien għamel Donald Trump li jsolvi l-kunflitt hekk kif jirbaħ l-elezzjoni Presidenzjali, sa issa m’hemm l-ebda sinjali li l-gwerra riesqa lejn tmiemha. M’hemm ebda prospetti li din se tintemm.
M’hemm ebda negozjati bejn Kyiv u Moska. U waqt li għandna din is-sitwazzjoni, ż-żewġ armati qegħdin jimmiraw dejjem aktar lejn objettivi ċivili.
Iż-żewġ naħat jafu li xi ħin jew ieħor iridu jpoġġu madwar il-mejda tad-diskussjoni. U allura għandna sitwazzjoni fejn kemm naħa u kemm oħra qed ifittxu pożizzjoni ta’ vantaġġ, mhux għar-rebħa, iżda biex ipoġġu fuq il-mejda tan-negozjati b’pożizzjoni ta’ saħħa. Hu ċar li f’dan il-kunflitt, aktar ma jgħaddi żmien aktar hu kontra l-Ukrajna għax il-mistoqsija li toħroġ hi kemm se ddum tirċievi għajnuna? Kemm l-Unjoni Ewropea tiflaħ tibqa’ tgħin lill-Ukrajna?
Wara l-fallimenti ta’ Trump f’kull tentattiv li għamel biex itemm dan il-kunflitt, il-mistoqsija li ssir hemm it-tmexxija li hemm llum fl-Istati Uniti tista’ tiġi fdata b’negozjati biex jieqaf dan il-kunflitt. Il-mistoqsija li ssir illum hi kemm hi affidabbli l-Istati Uniti llum?
Jekk imbagħad nieħdu l-Unjoni Ewropea, li għamlet l-iżball li daħlet għall-ewwel darba f’kunflitt billi għenet naħa kontra oħra, naraw li din spiċċat bla kredibilità f’dan il-kunflitt u għalhekk żgur li m’hemm affidabilità lejn l-Unjoni Ewropea.
U allura din tqajjem il-mistoqsija x’se jiġri f’dan il-kunflitt? Se jibqa’ jitwal? Wieħed irid jistaqsi x’ġara minnha d-diplomazija tradizzjonali? Dik id-diplomazija li pajjiż jipprova jwassal dawk f’kunflitt madwar il-mejda biex jintlaħaq kompromess.
Illum il-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja tant daħal il-ġewwa li jista’ jkun solvut biss bid-diplomazija. Fil-kwiet. Ma jistax jitranġa bil-mod kif tagħmel l-affarijiet illum l-amministrazzjoni ta’ Trump.
M’għandniex dubju li Trump, dejjem għatxan għall-attenzjoni pubblika, se jipprova jerġa’ jagħmel interventi biex il-kunflitt jieqaf. M’għandniex dubju li jekk jerġa’ juża l-istess stil li ta’ qabel, se jkun hemm il-falliment ta’ qabel.
Erba’ snin u nofs ta’ kunflitt, li wieħed ma jistax ma jistaqsix fejn hi n-Nazzjonijiet Uniti. X’qiegħed isir biex dan il-kunflitt jersaq lejn tmiemu? X’qiegħed isir biex iż-żewġ naħat jersqu madwar il-mejda? X’qed isir biex tinstab soluzzjoni?
Nemmnu li l-Ewropa għandha tkun involuta wkoll fis-soluzzjoni diplomatika. Lil hinn mir-riarmament, it-tfittxija ta’ awtonomija difensiva fuq medda medja u twila ta’ żmien barra l-Istati Uniti, u l-appoġġ lil Zelensky mingħajr ma jinvolvu ruħhom direttament fil-ġlied, il-potenzi kontinentali – u wkoll ir-Renju Unit – huma l-aktar interessati li jtemmu gwerra fuq art Ewropea li enfasizzat il-kontradizzjonijiet tal-UE – u wkoll tan-NATO – u serviet biss biex tpoġġi tensjoni fuq l-għaqda tal-kontinent.
Nemmnu li t-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna għandu jkun objettiv prijoritarju tal-Punent u tal-Ewropa. Dan ma jintlaħaqx billi tgħin militarment lil naħa kontra oħra. Kull ma qiegħed jiġri b’dan hu li jittawwal il-kunflitt u jiżdiedu l-imwiet.
Hi ħasra li llum għandna Nazzjonijiet Uniti dgħajfa, ħafna mexxejja u pajjiżi gallarija, waqt li dan il-kunflitt imdemmi jibqa’ għaddej. Quddiem dan il-mistoqsija tibqa’ meta se jintemm dan il-kunflitt?


