“Aħna lesti imma jalla ma tisimgħuniex ġejjin”. Dan kien il-messaġġ li spikka f’filmat li qegħdin ixerrdu nies responsabbli mis-servizz pubbliku. Dan hekk kif f’din il-biċċa jidhru mediċi u kif ukoll uffiċjali li għalkemm għalihom m’hemmx Ħdud u festi, mhux ideali li jkollok bżonn l-assistenza tagħhom f’dan iż-żmien ta’ festi.
Fl-istess filmat jidhru għexieren ta’ ħaddiema u numru ta’ messaġġi oħrajn li għalkemm l-enfasi tagħhom huwa għal żmien il-Milied, jgħoddu għall-kumplament tas-sena.
“Nieħdu ħsieb lil xulxin”, huwa x’aktarx il-messaġġ ripetittiv matul l-istess filmat li jinkludi fost l-oħrajn l-edukaturi, artisti, uffiċjali tas-sigurtà u dawk relatati mal-manutenzjoni. Jidher ukoll fil-filmat persuna li jieħdu ħsieb iċ-ċimiterju, bħal tfakkira li deċiżjonijiet neqsin mill-għaqal jistgħu jtemmu ħesrem il-ħajja tagħna jew ta’ oħrajn bla bżonn.
Fil-filmat hemm il-messaġġ ukoll li annimal mhux rigal u li minkejja li hija xi ħaġa sabiħa li jkun hemm min b’responsabbiltà jagħżel li jkollu pet, dan irid jingħata l-attenzjoni meħtieġa u jgħix b’dinjità.