Thursday, December 26, 2024

ARA: Il-GWU se tgħin b’ġabra fost il-membri tagħha għaċ-ċkejkna Jasmine

Il-Vjaġġ ta’ Tama ta’ Jasmine: Flimkien, Nistgħu Nagħmlu Differenza

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Jien dejjem ngħid li dak li nagħmlu ma’ bintna huwa investiment. Huwa sagrifiċċju finanzjarju imma investiment fit-tifla. Aħna pożittivi imma realistiċi wkoll. It-tama tagħna għadha hemm għax nemmnu fit-tifla u fil-kapaċitajiet tagħha. Nirringrazzjaw lil diversi professjonisti għad-dedikazzjoni u lil kulħadd ta’ kull għajnuna, anke minn aspett finanzjarju.”

Dan iddikjarawh ma’ dan il-ġurnal Anthony u Stefanie Grech, il-ġenituri taċ-ċkejkna Jasmine, tifla ta’ sentejn, li żviluppatilha Cerebral Palsy mat-twelid tagħha. Għal din il-kawża ġusta, il-GWU se tkun qed tagħti sehma kif ukoll tagħmel ġabra fost il-membri tagħha biex tgħin fil-finanzjament tal-kura ta’ Jasmine.

Waqt intervista, l-omm spjegat kif kellha tqala normali u li l-problemi nqalgħu waqt il-ħlas. B’ħafna emozzjonijiet, Stefanie irrakkontat kif Jasmine twieldet mingħajr ossiġnu u li dak il-ħin, hi u żewġha ma kienux jafu x’ġara eżatt. Qalet li malli twieldet, it-tarbija ħaduha t-tobba u kienu qed jaħdmu sabiex iġibulha n-nifs. Damet bla ossiġnu għal aktar minn 15-il minuta.

Stefanie żiedet tgħid li, “din ovvjament kienet ħasda kbira. Lil Anthony tawh għażla li jew joqgħod miegħi jew inkella jmur ma’ Jasmine. Anthony mar u rahom qegħdin jippruvaw ituha n-nifs.”

Wara l-ħlas żewġha qalilha li t-tifla kienu se jniżżluha fl-NPICU. Mar professur ikellimhom fuq Jasmine sabiex jgħidilhom x’kien qed jiġri. Huwa spjegalhom li kienu ntubawha u li kienet fuq il-magna tal-ossiġnu. Hawn, Stefanie qalet li tiftakar li l-ewwel kliem li qalilhom il-professur kienu li ma jafux eżatt x’se jiġri. “Ma nafux jekk hux se tgħix, ma nafux x’kumplikazzjonijiet se jkun hemm, hemm ħafna riskji u l-futur tagħha huwa inċert.”

Dan kollu ħoloq sitwazzjoni diffiċli. Huma spjegaw li meta koppja tkun ilha dan iż-żmien kollu tistenna tarbija, l-inqas ħaġa li wieħed tgħaddilu minn moħħu hu li se tiġri xi ħaġa bħal din. Jasmine damet l-isptar għal żmien mhux ħażin u għalhekk dan wassal biex il-koppja kellhom imorru d-dar u jħallu lit-tarbija l-isptar.

Il-koppja qalu, “Il-fatt li tmur id-dar mingħajr it-tarbija kienet ta’ xokk kbir għalina. Qisek tixtieq teħodha miegħek, tixtieq li qegħda magħha, taf li hemm xi ħaġa minnek li hi nieqsa u la tista’ żżommha u lanqas tagħmel l-affarijiet naturali bħal kull omm u missier.”

Hekk kif iċ-ċkejkna Jasmine ħarġet mill-isptar bdiet t-triq ta’ trattamenti u terapiji, fejn saħansitra bdew jinqalgħu iktar kumplikazzjonijiet. Anthony u Stefanie ddeskrivew li għamlu l-ewwel sena ta’ ħajjitha deħlin u ħerġin l-isptar ta’ spiss. Minkejja kull sfida, huma baqgħu għaddejin bit-terapiji u trattamenti ta’ binthom sal-ġurnata tal-lum.

Dwar it-terapiji, huma qalu: ”Ħadniha għal diversi terapiji u nafu li għad fadlilna għadd ta’ terapiji. Qegħdin insiefru ta’ spiss hekk kif qegħdin niskopru u jsirulha terapiji li sa issa għadhom ma jeżistux f’pajjiżna.”

Dawn it-terapiji minbarra l-iskariġġ tal-ivjaġġar jirrikjedu wkoll ħafna finanzi u dawn ifissru sagrifiċċji kbar għall-ġenituri ta’ Jasmine. Huwa għalhekk li ħasbu li joħolqu paġna fuq Facebook, li ġġib l-isem ta’ ‘Jasmine’s Journey’ bl-iskop li jagħtu rendikont ta’ dak li tkun għaddeja minnu Jasmine kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta għal aktar għarfien għal dawk li jkunu għaddejin mill-istess sitwazzjoni kif ukoll għal dawk jagħżlu li jgħinu lil Jasmine.

Hawnhekk huma enfasizzaw kemm din il-paġna għenet kemm lilhom, kif ukoll lil familji oħra. Din il-paġna sa ċertu punt serviet ta’ terapija għalina u għal ħafna familji li għaddejin minn tbatijiet simili.
“Is-soċjeta’ għenitna ħafna, f’sens li sibna ħafna nies li għenuna permezz ta’ kampanji ta’ ġbir ta’ fondi. Dawn il-kampanji għenu biex iċ-ċkejkna tagħna setgħet tintbagħat il-Messiku għal kura speċjali li s’issa tinsab biss f’dal-pajjiż.

“Kura speċjali li tiswa eluf kbar ta’ ewros, u għalhekk qegħdin nitolbu l-għajnuna. Wara ħafna riċerki għażilna li nippruvaw din it-terapija u permezz tagħha Jasmine għamlet progress kbir fejn li kienet. Kif ukoll qed tingħata terapiji speċjali fl-Ingilterra u Spanja, terapiji li ma jinstabux hawn Malta. Meta naraw l-avvanzi li qed tagħmel bintna tagħtina kuraġġ li nkomplu nagħmlu l-almu tagħna.”

Flimkien ejjew ngħinu lil Jasmine fil-vjaġġ tagħha. Ibgħat donazzjoni f’dan il-kont: Bank of Valletta, Benefiċjarji: General Workers’ Union, IBAN Number: MT20VALL22013000000010201772020, Swift: VALLMTMT.

Għal dawk il-persuni li jixtiequ jikkontribwixxu finanzjarjament, jistgħu jagħtu d-donazzjoni tagħhom permezz tal-BOV App jew Revolut fuq in-numru +35677991456,

Ekonomija

Sport