Saturday, December 21, 2024

ARA: Ilu 13-il sena ħieles mid-droga iżda jħoss li “ma rebaħx”

Jgħid li l-Caritas hi t-tieni familja tiegħu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Beda jieħu d-droga ta’ 16-il sena biex “jegħleb il-mistħija”. L-ewwel li beda bi drogi ħfief sakemm wasal biex beda jieħu l-eroina u l-kokaina. Huwa baqa’ għaddej f’din il-ħajja għal numru ta’ snin sakemm fl-aħħar iddeċieda li jidħol fi programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga u issa ilu 13-il sena clean u anke għandu impjieg fiss.

Din hi l-istorja ta’ David Attard, eks-vittma tad-drogi, li llum għandu 52 sena. Attard qasam ma’ dan il-ġurnal dak li għadda minnu meta kien għadu fil-vizzju tad-droga. Huwa jgħid li minkejja li ħareġ mill-vizzju tad-drogi, b’danakollu xorta għadu jħoss li ma rebaħx u jemmen li jirbaħ biss meta jħalli din id-dinja. 

Attard iddikjara wkoll li jrid jibqa’ jiġġieled kull siegħa biex ma jerġax lura għal li kien meta kien jieħu d-droga. Il-ħelsien tiegħu mill-vizzju tad-droga jafu lill-Caritas li fihom sab spalla u li llum iqishom bħala t-tieni familja tiegħu. 

“Illum qed ingawdi l-ħajja”

Huwa beda biex qal li “kont bdejt nieħu l-kannabis meta kelli 16-il sena. Qlibt imbagħad fuq l-eroina għax kien hemm xi ħadd li qalli ‘dik bħala’. Però ġismi ma ridhiex. Dort imbagħad fuq l-ecstasy u l-kokaina. Kelli wkoll il-vizzju tal-logħob. Barra min hekk, għamilt xi żmien l-Isptar Monte Carmeli.”

Attard kompla jgħidilna li baqa’ għaddej b’din il-ħajja sakemm iddeċieda li jidħol fi programm residenzjali ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga. Filwaqt li rrikonoxxa li dan il-pass ma kienx wieħed faċli għalih, huwa xorta waħda kien determinat li jagħmel dan il-programm u b’hekk ikun jista’ joħroġ mill-vizzju.

“Kont għamilt il-programm… mhux faċli però mhux impossibbli. Trid tgħin ruħek biex Alla jgħinek. Illum jiena qed ingawdi l-ħajja. Nagħmel attivitajiet sportivi, xi ftit gym u mmur ukoll il-baħar. Timla l-ġurnata b’affarijiet pożittivi u dawn jgħinuk ħafna f’ħajtek.”

“Issa iIi 13-il sena clean. Bqajt inżomm il-kuntatt mal-Caritas. Mhux biss inċemplilhom imma anke mmur San Blas u ċ-Ċentru tal-Komunità tal-Caritas. Nattendi flimkien ma’ gruppi oħra. B’dan il-mod, ngħin aktar lili nnifsi u nagħmel kuraġġ lil ħaddieħor.”

“Vjaġġ ta’ elf mil jibqa’ bl-ewwel pass”

Attard żied jgħid li vjaġġ ta’ elf mil jibda bl-ewwel pass. Qal li wara temm dan il-programm, beda jaħdem bħala xufier tal-karozzi tal-linja. Dan kollu qal li jafu lill-Caritas li baqgħu miegħu f’dan il-vjaġġ ta’ “fejqan”.

“Il-Caritas għenuni ħafna. Sibthom ta’ spalla kbira u nqishom bħala t-tieni familja tiegħi. Tassew tal-qalb,” temm jgħid David Attard filwaqt li appella biex nhar is-Sibt li ġej il-poplu Malti u Għawdxi jikkonkorri biex jagħti d-donazzjonijiet tiegħu waqt il-maratona ta’ mħabba tal-Caritas bit-tema “Jimpurtani”.

Il-maratona se tkun qiegħda tixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali kollha fil-ħin ta’ bejn il-11.00 a.m. u l-11.00 p.m. Wieħed jista’ jagħti d-donazzjonijiet tiegħu fuq: 51802032 – €25 jew 5190 2089 – €50.

Ekonomija

Sport