Friday, November 22, 2024

ARA: Membri tal-Protezzjoni Ċivili jsibu ruħhom f’diffikultà – tintalab l-assistenza tal-Armata

Aqra wkoll

Il-maltemp li ħakem lill-gżejjer Maltin sa minn kmieni dalgħodu wassal biex jiġu rrrapurtati diversi ilmijiet fit-toroq u minnufih bdew l-appelli għall-kawtela biex min jista’ jibqa’ f’daru u biex is-sewwieqa jsuqu bil-galbu. Fil-fatt, il-Protezzjoni Ċivili qalet li r-rapporti jindikaw li din hi waħda mill-agħar maltempati f’ħafna żmien.

Minnufih il-Protezzjoni Ċivili bdiet b’ħidma bla waqfien fosthom biex issalva persuna li sfat maqbuda fil-karozza tagħha fil-lokalità ta’ Burmarrad. Waqt din l-operazzjoni ta’ salvataġġ, membri tal-Protezzjoni Ċivili sabu ruħhom f’diffikultà u ntalbet l-assistenza tal-Armata.

Dan is-sit tkellem mad-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili dwar dan il-każ fejn qalilna li sfortunatament waqt din l-operazzjoni, il-livell tal-ilma tant għolja li sabu numru ta’ diffikultajiet. “Min-naħa tagħna bagħtna għal iktar assistenza minħabba l-fatt li l-ilma kien b’saħħtu ħafna u b’hekk tlabna l-koopearazzjoni tal-AFM fejn salvaw żewġ persuni minn tagħna kif ukoll il-persuna li kienet maqbuda fil-karozza,” qalilna Psaila fejn stqarr li qed jiltaqgħu ma’ kwantità kbira ta’ ilmijiet fit-toroq u b’hekk l-appell tagħhom jibqa’ dejjem dak ta’ kawtela.

Dwar din l-operazzjoni ta’ salvataġġ, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri innota kif il-ħaddiema tal-forzi tal-ordni jirriskjaw ħajjithom biex isalvaw lil ħaddieħor. Huwa temm billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha tax-xogħol li qed jagħmlu llum f’maltemp jibla’ l-art.

Aqra iktar: Twissija mill-Protezzjoni Ċivili dwar il-maltempata

Sport