Saturday, December 14, 2024

ARA: “Nibqgħu lesti nikkunsidraw kwalunkwe rfinar li jista’ jagħti aktar serħan il-moħħ”

Il-PM dwar l-emenda li tħares saħħet il-mara u l-professjonisti mediċi f’każ ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li għaddejjin diskussjonijiet, mhux biss mal-President ta’ Malta George Vella, iżda wkoll ma’ stakeholders oħra b’rabta mal-emenda proposta li tħares saħħet il-mara u l-professjonisti mediċi f’każ ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala.

Fil-kummenti tiegħu lill-ġurnalisti dalgħodu, il-Prim Ministru qal li bħala Gvern lesti jikkunsidraw kwalunkwe rfinar li fi kliemu jista’ jagħti aktar serħan il-moħħ illi l-intenzjoni hi ċarissima u limitata għal żewġ ċirkostanzi.

Dr Abela qal li dawn huma meta “waqt it-tqala ħajjet l-omm qiegħda f’periklu jew saħħitha qiegħda f’periklu gravi… allura meta tabib jagħmel intervent u l-fetu jintilef hemm ikun eżentat kemm it-tabib kif ukoll l-omm prospettiva mir-responsabbiltà kriminali.”

“Kommessi li nibqgħu għaddejjin f’diskussjonijiet biex jekk hemm xi ħaġa fil-messaġġ tagħna li mhix tinftiehem nibqgħu niċċarawha,” qal il-Prim Ministru filwaqt li għamilha ċara li b’dak li qed jiġi propost, ħadd mhu jikkontempla li b’xi mod se jkun introdott l-abort. 

Mistoqsi għal darba oħra dwar id-diskussjonijiet li kellu mal-President Vella fuq dan is-suġġett, huwa qal li dawn jibqgħu kunfidenzjali. Qal li fil-passat kien hemm diversi Presidenti fejn meta tressqu ċertu emendi kellhom ir-riservi jew it-tħassib tagħhom. “Xogħolna huwa li nindirizzaw dak li hu possibbli li jista’ jiġi indirizzat,” qal il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport