Thursday, April 18, 2024

Bernard Grech jipproponi vawċers biex iż-żgħażagħ imorru vaganza

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt ir-replika tiegħu għall-Budget 2022, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech irrikonoxxa li hemm miżuri tajbin fil-budget però stqarr li l-Gvern qed jibża’ milli jagħtihom appoġġ sħiħ. Qal li fost il-miżuri pożittivi hemm it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-part-time u l-miżuri dwar il-proprjetà li għandhom jgħinu biex jagħtu dehra aħjar fil-villaġġi tagħna.

Min-naħa l-oħra, huwa qal li budget alternattiv tal-Partit Nazzjonalista jaħseb biex jattira setturi ġodda u tkabbir ġdid li jassigura li għada nkunu nistgħu nserrħu fuq ekonomija soda u li trendi lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha.

Huwa qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jżid l-istipendji tal-professjonijiet l-aktar meħtieġa bħal nurses, għalliema u social workers fost oħrajn b’25% aktar. Dan biex nattirawhom aktar għal dawn il-professjonjiet. Huwa żied jgħid li l-PN qed jipproponi li jiżdiedu wkoll b’mod sostanzjali l-pagi tal-edukaturi u jara li l-progress fil-karriera jkun aktar mgħaġġel minn dak li hu llum.

Huwa semma proposta elettorali oħra li se tolqot iż-żgħażagħ. Qal li ż-żgħażagħ kollha Maltin u Għawdxin minn 16-21 sena se jingħataw vawċer ta’ €500 li bih imorru btala fl-Ewropa. “Dan jista’ jsir jew individwalment għal dawk li għalqu 18-il sena jew inkella fi gruppi fi ħdan għaqdiet inkluż każini, gruppi tal-parroċċi, ta’ familji li jorganizzaw ġita flimkien. Din l-opportunità hi miftuħa għaż-żgħażagħ kollha u tista’ tagħti ħajja ġdida lill-għaqdiet sportivi jew l-għaqdiet tas-snajja partikolari fejn il-vawċer jintuza wkoll bħala esperjenza vokazzjonali.

“Se naraw li nippromwovu b’saħħa kbira s-servizzi ta’ car sharing u car pooling fejn ikollok karozza li tiġi għalik id-dar u tieħdok ix-xogħol jew band’oħra bil-kumdità u mingħajr stress ta’ parkeġġ.

“Se nkomplu ninvestu fit-trasport pubbliku. Se nvaraw proġett ambizzjuż fejn il-flotta kollha tal-karozzi tal-linja jkunu kompletament ħielsa mid-duħħan u kollha jaħdmu bl-elettriku sas-sena 2025.

“Se naraw li mis-sena d-dieħla jkun hemm mekkaniżmu ta’ inċentiv fiskali fejn min iħaddem ikollu tax credits meta dan jinvesti fil-ħiliet u jżid l-paga tal-ħaddiema tiegħu.

“Nemmnu li sal-aħħar tal-leġislatura li ġejja irid jiġi stabbilit il-kunċett tal-living wage, fejn jiġi stabblit ilminumu tad-dħul li jippermettilek ħajja diċenti. Nemmnmu li r-riferenza bażika tal-living wage tista’ tkun ta’ dħul ta’ €1,000 fix-xahar u naraw li jkun hemm diskussjoni wiesgħa mal-imsieħba soċjali kollha abbażi ta’ dawn il-prinċipji. 

“Irridu soluzzjoni bi gvern nazzjonalista kif jinħoloq fond ta’ garanzija tal-istat li jidħol jagħmel tajjeb għas-self tal-bank li jkopri minn 10% sa 25% tal-prezz tal-bejgħ tal-proprjetà,” kompla jgħid Dr Grech.

Ekonomija

Sport