Thursday, April 18, 2024

BĦAL KULL ŻJARA OĦRA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Kull darba li naqra jew nosserva x’jiġi rapportat u x’jinkiteb dwar żjarat uffiċjali ta’ kap ta’ stat jew gvern f’pajjiż ieħor, ma nistax ma nistaqsix: Diż-żjara ta’ min qed tirrifletti l-ideat u l-perspettivi: Ta’ min qed iżur? Ta’ min qed jirċevieh? Tat-tnejn?

Idealment tat-tnejn: imma kemm tiġri dil-ħaġa? 

Il-mistoqsija tqum naturalment anke fil-qafas taż-żjara li għadu kemm wettaq il-Papa Franġisku fostna. Għandi kull rispett lejn dan il-Papa u nittama li ż-żjara tiegħu tatu kull sodisfazzjon. Imma ma nafx eżattamaent min-naħa tiegħu x’tifsira seta’ kellha, ħlief dik li juri solidarjetà mal-immigranti u r-refuġjati dieħla fl-Ewropa. Hu għan nobbli li f’Malta ma ssibx bil-fatti xi qbil unanimu dwaru.

Min-naħa Maltija, dejjem kien hemm interess fost il-politiċi Maltin li jidhru f’ritratt mal-Papa. Jekk ma jiġix hu, jaraw kif imorru huma għandu. Imma nddubita kemm dan għadu jitqies fiċ-ċirkostanzi tal-lum bħala mod kif tqarreb in-nies lejk. Forsi jaħdem mal-anzjani…

NITILFU WISQ ŻMIEN 

Kien qalli ħabib tiegħi barrani li jgħix Malta: F’pajjiżi, meta niġu biex issir biċċa xogħol f’xi dar – ta’ għamara jew istallazzjoni ġdida ta’ ilma jew elettriku – jiġu għal darba tnejn biex jaraw xi jrid isir, jieħdu l-kejl u jikkalkolaw l-affarijiet. Idejquk bit-tul tal-istudji tagħhom. Imma mbagħad meta jiġu biex iwettqu x-xogħol, kollox ikun imħejji minn qabel. Ġeneralment malajr ilestu u rari jkollhom għalfejn jerġgħu jittawlu biex jikkoreġu xi jkunu għamlu.

Mentri hawn Malta, għalkemm idumu biex jiġu jtellqu x-xogħol meħtieġ, meta jaslu jibdew kollox fuq il-post. Jirriżultaw mhux falza stikka waħda; bħal arranġamenti li ma jkunux fattibbli għall-problema li tkun u problemi oħra. Jinqalgħu komplikazzjonijiet. Wara li x-xogħol tlesta, xi ħaġa jew oħra tkun trid tinbidel għal raġuni jew oħra.

Ma nafx kemm huma minnu dak li qalli l-ħabib dwar kif isiru l-affarijiet f’pajjiżu. Li jsiru kif qal hu f’Malta hu fatt. Mhux biss fi proġetti domestiċi “ċkejkna”.

ĠODDA

Hi impressjoni falza li żdiedu l-aċċidenti fatali tat-toroq? Għal żmien waqt il-pandemija, it-traffiku naqas. Imbagħad meta reġa’ stenbaħ, in-nies sabet jistennewha arterji ġodda li fetħu mogħdijiet spettakolari minn nofs żoni fejn qabel kienu jiġġammjaw il-karozzi wieqfa.

Tgħid dan żied fil-kilba għall-ħeffa? Ta’ sikwit issa, minn dawn it-toroq li qishom autostrada, tara karozzi jvenvu ’l quddiem bħalikieku qed jikkompetu f’xi Grand Prix. Il-problema hi li ħafna sewwieqa Maltin, jien inkluż, m’għandniex esperjenza biżżejjed f’kif tikkontrolla karozza meta – jekk qed issuq tassew bil-qawwi – tiltaqa’ ma’ xi saram mhux mistenni.

Ekonomija

Sport