Bħal-lum 3 ta’ Jannar ta’ sentejn ilu, ħalla din id-dinja l-eks Membru Parlamentari Silvio Parnis. Għalkemm fiżikament ma għadux magħna, il-memorja tiegħu u l-ġid bla qies li rnexxielu jagħmel baqgħu ħajjin f’dawk kollha li kellhom il-privileġġ jiltaqgħu miegħu f’ħajjithom.
Parnis twieled fl-1965 u kien politiku mal-Partit Laburista. Huwa serva bħala membru parlamentari mill-1998 sal-2022. Bejn l-1994 u l-1998 serva bħala sindku ta’ Raħal Ġdid u ġie elett fil-parlament fl-1998, 2003, 2008, 2013 u fl-2017. Parnis għamel mill-politika missjoni sabiex jgħin lil persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Huwa rnexxielu jgħaqqad is-servizz politiku mal-kawża soċjali, b’kuntatt man-nies il-ħin kollu u b’ħidma biex itejjeb il-qagħda ta’ bosta familji u ħaddiema.
Il-ħidma politika ta’ Parnis kienet ibbażata fuq il-qagħda soċjali tal-komunità, l-aktar f’dak kollu li huwa marbut mal-għixien tan-nies, l-għajnuna soċjali, l-għożża tal-anzjani u l-akkomodazzjoni, fost oħrajn.