Monday, November 4, 2024

“Bħala parti mill-ispettru usa’ tal-wirt kulturali, il-wirt industrijali wkoll jiddefinixxi min aħna”

Il-President ta’ Malta, George Vella

Aqra wkoll

Il-President ta’ Malta, George Vella, esprima t-tħassib tiegħu li “fil-biċċa l-kbira l-wirt industrijali ġie injorat għal żmien twil wisq.” Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza nazzjonali bit-titlu “Futur għall-Wirt Industrijali f’Malta”, organizzata mill-Pjattaforma għall-Wirt Industrijali fl-Università ta’ Malta, il-President Vella qal li m’hemmx dubju li l-wirt industrijali huwa parti mill-istorja u l-wirt tagħna f’dawn l-aħħar 200 sena. Innota li dan ifforma l-aspett kulturali tagħna b’mod li ma jitħassarx, spiss infurmat mill-funzjoni u l-iskop. “Bħala parti mill-ispettru usa’ tal-wirt kulturali tagħna, dan ukoll jiddefinixxi min aħna”, qal il-President Vella filwaqt li saħaq li fil-fatt hemm sfidi li jridu jiġu indirizzati, li żgur mhumiex sempliċi u faċli. 

“Id-daqs, it-telfien tal-iskop oriġinali, u l-użu kontemporanju huma wħud mill-aspetti, minn stampa usa’, ta’ wirt kulturali aktar kumpless, li rridu nammettu li mhux faċli jiġu rrikonċiljati ma’ possibbiltajiet u azzjoni sinifikanti. Bla dubju hemm sfidi. Ċari ħafna. Irrispettivament minn jekk dan iseħħx b’mod intenzjonali jew b’koinċidenza, bl-għoti ta’ valur relattiv jew le, mingħajr għarfien u apprezzament għar-rilevanza u s-sinifikat intrinsiċi u storiċi tiegħu, inkomplu nitilfu biċċiet minn dak li jsawwarna bħala nazzjon”, qal il-President Vella. 

Il-President faħħar lill-Pjattaforma għall-Wirt Industrijali fl-Università ta’ Malta talli organizzat din il-konferenza li mmirat li tesplora l-isfidi attwali f’Malta fil-konservazzjoni tal-wirt industrijali, il-preservazzjoni fil-post u l- użu mill-ġdid għal skopijiet ġodda. Huwa esprima x-xewqa tiegħu li dan l-avveniment ikun okkażjoni għal dibattitu u enfasi fuq il-possibbiltajiet futuri, fuq il-modi u l-mezzi kif jistgħu jingħataw sinifikat u rilevanza lil dan l-aspett tal-wirt kulturali tagħna li għadu qed fil-biċċa l-kbira injorat u anki biex jinkiseb ftehim aħjar tal- infrastruttura li l-pajjiż jeħtieġ li jiżviluppa għall-immaniġġjar tal-wirt. 

Il-konferenza, imtellgħa taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, ġabret flimkien kelliema minn entitajiet differenti u esperti dwar il-wirt kulturali, bħall-Università ta’ Malta, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, is-Sovritendenza tal-Wirt Kulturali, Heritage Malta, l-Awtorità tal-Ippjanar, Din l-Art Ħelwa, il- Malta Industrial Heritage Association, u partijiet ikkonċernati tal-industrija, jiġifieri l-Biċċerija Pubblika, il- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, u Farsons. Il-Konferenza nfetħet mill-Professur Robert Ghirlando, Chairman tal-Pjattaforma għall-Wirt Industrijali, il-Professur Alfred J. Vella, Rettur tal-Università ta’ Malta, u l-President ta’ Malta, George Vella. 

Sport