Monday, April 27, 2026

BIDLIET STORIĊI FIL-LIĠIJIET TAX-XOGĦOL

Aqra wkoll

Ta’ kull sena, nhar l-Ewwel ta’ Mejju, pajjiżna jingħaqad ma’ ħafna pajjiżi oħra biex jiċċelebra Jum il-Ħaddiem. Jum li fih infakkru l-ġlidiet li għamlu ta’ qabilna matul il-milja tas-snin fil-kisba ta’ aktar libertajiet u drittijiet u anke għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Huwa wkoll jum li fih niċċelebraw il-ħidma u s-sagrifiċċji ta’ kull ħaddiem.

Iżda filwaqt li huwa tajjeb li nfakkru l-kisbiet kbar li saru matul is-snin, kisbiet li ħallew u għadhom qegħdin iħallu impatt mill-aktar pożittiv fuq il-ħaddiema u l-familji tagħhom, irridu nħarsu wkoll lejn il-ġejjieni. Ġejjieni li jkun imsejjes fuq xogħol dinjituż, pagi xierqa u kundizzjonijiet mill-aqwa. Dan kollu fl-isfond ta’ ekonomija b’saħħitha u reżiljenti.

Il-General Workers’ Union, sa minn kemm ilha mwaqqfa, dejjem kienet katalista biex tixpruna t-titjib fid-dinja tax-xogħol. Dan minbarra li tibqa’ impenjata li ttejjeb is-sitwazzjoni tal-ħaddiema biex dawn jiksbu aktar drittijiet, ikollhom kundizzjonijiet tax-xogħol favorevoli u b’hekk igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar.

U fl-isfond ta’ dan kollu, nilqgħu wkoll it-tħabbira li se jkunu qed isiru bidliet storiċi fil-liġijiet tax-xogħol li permezz tagħhom il-ħaddiema se jingħataw aktar drittijiet. Dan ikompli jibni fuq il-ħafna titjib li sar minn Gvern Laburista f’dawn l-aħħar snin, hekk kif dawn il-bidliet se jwasslu biex jissaħħu 32 liġi tax-xogħol f’setturi differenti. 

L-avvanzi li saru favur il-ħaddiem ma jista’ jiċħadhom ħadd. Id-dinja ma bdietx ilbieraħ. Iżda huwa grazzi għal Gvernijiet Laburisti li llum huwa x-xogħol li qed jiġri wara l-ħaddiem u mhux il-ħaddiem jiġri wara x-xogħol. 

Huwa grazzi għal Gvernijiet Laburisti li l-ħaddiem ingħata dinjità. Is-servizzi soċjali lanqas fuq il-karta ma kienu jeżistu. L-edukazzjoni u s-saħħa b’xejn għal kulħadd kienu fantasija. Gvernijiet Laburisti għamluhom realtà.

Għalhekk nemmnu li dawn il-bidliet li qed iressaq ’il quddiem il-Gvern fil-liġijiet tax-xogħol se jkunu qed jirriflettu aktar ir-realtajiet ta’ prattiċi moderni. Fuq kollox se jkunu bidliet li se jtejbu bil-kbir id-drittijiet għal eluf ta’ ħaddiema. 

Bidliet kruċjali biex fost oħrajn jiġi assigurat sick leave għal kull ħaddiem, jaħdem fejn jaħdem u mill-ewwel ġurnata tal-impjieg. Dan apparti li qed ikunu indirizzati realtajiet oħra fosthom dwar il-Bereavement Leave u l-Marriage Leave, flimkien ma’ bidliet oħra li jittrattaw il-paga minima.

F’dan il-kuntest kollu, fl-1 ta’ Mejju, għandna naffermaw mill-ġdid kemm il-ħaddiema huwa l-qalb tan-nazzjon Malti u kif is-solidarjetà, ir-reżiljenza, u l-bżulija bnew dan in-nazzjon. Nemmnu li bil-ħidma ta’ kulħadd nistgħu niżguraw futur ta’ prosperità kollettiva.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport