Brażiljan ta’ 23 sena kien arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, b’rabta ma’ importazzjoni ta’ madwar kilo sustanza suspettata droga kokaina, b’valur fis-suq ta’ madwar €125,000.
Investigazzjoni konġunta bejn taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija, u permezz ta’ ‘Intelligence-Led Policing’, il-Pulizija identifikat lil din il-persuna li allegatament kienet ser timporta f’Malta ammont konsiderevoli ta’ droga.

Bl-informazzjoni kollha miġbura, il-persuna ġiet identifikata li kienet se tasal Malta matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, fuq titjira minn Barċellona. Malli dan il-passiġġier niżel mill-ajruplan u daħal fis-sala tal-wasliet, huwa twaqqaf mill-Pulizija u saret tfittxija fuqu.
Mill-ewwel kien innutat li kellu xi ħaġa suspettuża taħt il-flokk, fejn irriżulta li kellu pakkett marbut ma’ żaqqu bit-tape u li fih kien hemm mal-kilo sustanza allegatament kokaina.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija għal aktar stħarriġ u mistenni jitressaq il-Qorti illum, għall-ħabta tal-11.00am, quddiem il-Maġistrat Dr Tanya Sammut LL.D, akkużat bl-allegat importazzjoni ta’ droga.

