Friday, December 27, 2024

Celia Falzon tinħatar Kap Eżekuttiv tal-Jobsplus

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri ħatar lil Celia Falzon bħala Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus.

Is-Sa Falzon serviet f’diversi rwoli ta’ tmexxija fosthom bħala Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Kap tal-Affarijiet Regolatorji fi ħdan l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni, Kap Eżekuttiv tal-Ispiżerija tal-Għażla tiegħek, u Direttur responsabbli mill-programm ta’ Riforma tas-Saħħa. 

Fl-irwol tagħha bħala Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei bejn l-2020 u l-2024,  is-Sa Falzon mexxiet l-isptar matul il-pandemija tal-COVID-19, li matulha mhux biss rat li jiġi attwat b’mod effettiv il-pjan ta’ rispons għall-pandemija tal-isptar u assigurat li l-istaff ikun impattat bl-anqas mod possibbli, iżda wkoll kienet strumentali fl-akkwist ta’ tagħmir speċifiku. Hija kellha wkoll irwol ċentrali fil-kampanja nazzjonali ta’ tilqim kontra l-COVID-19.

Bħala Kap Eżekuttiv tal-Ispiżerija tal-Għażla tiegħek, bejn l-2017 u l-2020, wettqet riformi importanti bħal dik li rat din is-sezzjoni taqleb għal sistemi teknoloġiċi bil-għan li l-ħaddiem jaħdem f’ambjent aqwa u l-klijent jirċievi servizz aktar effiċjenti. Dan filwaqt li bejn l-2014 u l-2017, fil-kariga ta’ Direttur responsabbli mill-programm ta’ Riforma tas-Saħħa, kisbet riżultati importanti bħal dak li wasslet għat-tnaqqis fl-istennija għall-interventi kirurġiċi.

Hija gradwat b’Masters fl-Amministrazzjoni tan-Negozju (Business Administration) li jispeċjalizza fi pjanar strateġiku mill-Maastricht School of Management.

Il-Ministru Byron Camilleri feraħ lil Celia Falzon għal din il-kariga ġdida, filwaqt li rringrazzja lil Leonid McKay għall-ħidma li wettaq f’Jobsplus.

Ekonomija

Sport