Friday, November 29, 2024

ĊIMITERJI F’MALTA – Kiteb ġdid ta’ Gino Muscat Azzopardi

Aqra wkoll

ĊIMITERJI F’MALTA, ktieb irriċerkat u miktub minn Gino Muscat Azzopardi ħamsin sena ilu se jiġi ippubblikat għall-Festival tal-Ktieb bejn 6-10 ta’ Novembru minn SKS. Dan il-ktieb sa ftit ġimgħat ilu kien għadu manuskritt miżmum għand Prof. Raymond Mangion ilu nofs seklu jistenna biex jara d-dawl.

Gino Muscat Azzopardi kien ħaddiem tal-pinna mill-aqwa kemm tal-proża kif ukoll tal-poeżija. Kien fost l-ewwel attivisti sa mill-ħolqien tal-Partit Laburista bl-isem ta’ La Camera del Lavoro fl-1920. “Ħamsin sena ilu jiena rajt lis-Sur Gino Muscat Azzopardi jinseġ id-dokument paġna paġna, fil-bitħa tad-dar tiegħu u ta’ martu Anna Nu 10, Triq il-Kbira, Tas-Sliema, meta għoddni kelli 15-il sena. Kont nakkumpanjah fil-karozza misjuqa minn martu stess matul żjarat lil għadd ta’ ċimiterji fl-erba’ rkejjen ta’ Malta. Ma kienx hemm maqbar f’Malta li ma żorniex.” jikteb Prof. Mangion fid-daħla tal-ktieb.

Ġino kien jikkorrispondi regolarment mal-Kappillani u mal-Arċiprieti ta’ dak iż-żmien biex jibagħtulu l-informazzjoni li kien qiegħed jirriċerka. Huwa kklassifika l-postijiet kollha tad-dfin skont il-kategoriji relevanti: Ċimiterji li għadhom jintużaw u għadhom tajbin għad-dfin; Ċimiterji li għadhom jeżisti iżda ma jsirx dfin fihom; Ċimiterji li mhumiex Kattoliċi; il-miżbla.

“Inqis ix-xogħol tal-mibki s-Sur Muscat Azzopardi bħala wirt nazzjonali imprezzabbli”, jgħid Prof. Mangion li kiteb studju legali-storiku dwar id-dfin f’Malta u li qed jidher ukoll f’dal-ktieb.

Gino Muscat Azzopardi kien ħa ritratti ta’ kull ċimiterju f’Malta u li qegħdin jidhru f’dal-ktieb.

ĊIMITERJI F’MALTA jinbigħ €15.

Sport